Lokali

Ippremjata l-kapaċità ta’ persuni b’diżabiltà u l-ħidma tagħhom

Il-kapaċità tal-persuni b’diżabilità u min jaħdem b’tant dedikazzjoni fis-settur tad-diżabilità kienet fil-qofol ta’ serata li matulha, il-Ġimgħa filgħaxija, ingħataw diversi premjijiet waqt Premju Soċjetà Ġusta 2017.

Waqt din is-serata, li matulha kien hemm preżenti artisti inkluż persuni b’diżabilità, ġie offrut spettaklu mill-isbaħ.

Il-Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità intrebaħ minn Bridget Micallef, persuna li għalkemm tilfet id-dawl ta’ għajnejha ta’ età żgħira, l-abbiltà u d-determinazzjoni tagħha wassluha sabiex taħdem bħala tajpista fit-team ta’ tajpisti tal-Kamra tad-Deputati.

Il-Premju għal Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità ingħata lid-Deaf People Association. Bis-saħħa ta’ din l-assoċjazzjoni, il-poplu Malti u Għawdxi sar aktar konxju fuq il-kulturà u l-bżonnijiet ta’ persuni neqsin mis-smigħ.

L-iSpecial Olympics Malta ħa l-Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport, Arti u Kultura bħala  organizzazzjoni li ilha tagħti taħriġ sportiv u terapija lill-persuni b’diżabilità mill-1999. Din l-organizzazzjoni tat l-opportunità ’l fuq minn 400 atleta biex jikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali, u dejjem għamlu unur lil pajjiżna. Din is-sena, hemm 900 atleta jitħarrġu ma’ din l-organizzazzjoni f’dixxiplini differenti.

Il-Premju Soċjetà Ġusta ntrebaħ minn Isabelle Bonello, persuna li apparti li hija ħabrieka u effiċjenti ħafna f’xogħolha, hija persuna attiva fis-settur tad-diżabilità. Persuna li taħdem bis-sħiħ għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Ipparteċipat f’diversi konferenzi barra minn Malta, kif ukoll f’pajjiżna, f’kunsilli varji li minnhom ħarġu inċentivi li għamlu ħafna ġid f’dan is-settur.

Din is-sena ngħata wkoll il-Premju għal Perseveranza lil Bjorn Formosa, persuna ta’ eżempju ċar ta’ dedikazzjoni u determinazzjoni. Huwa emmen fil-ħolm tiegħu, liema ħolm għamlu realtà u minnu ser jibbenifikaw ħafna persuni oħra.

Preżenti f’isem l-Oppożizzjoni kien hemm Maria Deguara, membru parlamentari u kelliema għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità.