Lokali

L-Allegazzjonijiet dwar ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem huma “attakk fuq l-iStat Malti” – Stqarrija tal-Gvern

Il-Gvern ta’ Malta qal li l-parir li ngħatat il-familja Caruana Galizia dwar elementi tal-investigazzjoni li qed iwasslu għal ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala “attakk fuq l-iStat Malti u Gvern elett demokratikament  għal raġunijiet li jafuhom dawk li kkummissjonaw dan il-parir”.

Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni b’reazzjoni għal parir legali li ngħatat il-familja Caruana Galizia dwar il-ksur tad-Drittijiet Fondamentali tal-Bniedem bil-mod li qed issir l-investigazzjoni, il-Gvern qal li dan hu tentattiv sabiex ikun hemm ġudizzju “mhux bilanċjat fil-Qrati qabel dan jinstema'” u li l-“messaġġ minn taħt ta’ dan il-parir legali hu li l-iStat kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia”.

L-Istqarrija tkompli li dawn l-allegazzjonijiet “m’għandhomx bażi ta’ prova ħlief għall-istmerrija li l-klijenti (il-familja Caruana Galizia) għandhom lejn l-iStat Malti”.  Il-Gvern qal li s-sejħa għal investigazzjoni internazzjonali tfisser l-eliminazzjoni tal-istituzzjonijiet Maltin. Dan mhux biss ma jsirx f’pajjiż sovran, kompla l-Gvern, iżda huwa wkoll “insult għall-Qrati Maltin”.