L-Awtoritajiet Ġermaniżi għaddew informazzjoni dwar il-Panama Papers li hi speċifika dwar il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri lill-awtoritajiet Maltin.
Dan ġie żvelat mill-ġurnal Times of Malta li tkellem mal-ġurnalist tal-gazzetta Ġermaniża Suddeutsche Zeitung, Bastian Obermayer li qal li kienet il-Pulizija Ġermaniża li offriet din id-data lill-awtoritajiet Maltin iktar milli kienet mitluba minn Malta.
Din l-informazzjoni ġdida għandha tixħet iktar dawl fuq it-tentattivi ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi biex jiftħu kontijiet bankarji madwar id-dinja għall-kumpaniji tagħhom fil-Panama fejn f’uħud minnhom ikollhom jiddepożitaw madwar miljun dollaru fis-sena.
L-istess informazzjoni turi li Nexia BT, l-intermedjarji li tqabbdu minn Mizzi u Schembri, kienu qalu lid-ditta Mossack Fonseca fil-Panama li l-kumpaniji kienu se jintużaw biex jirċievu flus minn konsulenzi u senseriji.
Għad mhux magħruf jekk id-data tinkludiex informazzjoni addizzjonali dwar il-kumpanija Egrant, li flimkien mal-kumpaniji Tillgate ta’ Keith Schembri u Hearnville ta’ Konrad Mizzi, kienu nxtraw minn Nexia BT ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet allegat li l-kumpanija Egrant kienet f’isem Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.
Hu mifhum li l-Maġistrat Aaron Bugeja, li qed imexxi l-inkjesta dwar min hu s-sid ta’ Egrant, ukoll talab aċċess għal din l-informazzjoni.
//= $special ?>