Internazzjonali

Saakashvili għal darb’oħra arrestat

Mikheil Saakashvili, l-eks President tal-Georgia, għal darb’oħra kien arrestat mill-Pulizija Ukrena. Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa partitarji tiegħu kienu ħarġuħ mill-vann tal-Pulizija u ħarbuħ wara li kien arrest l-ewwel darba.
Saakashvili hu suspettat li ngħata finanzjament minn grupp kriminali b’rabtiet mal-eks President Ukren Viktor Yanukovych.
Hu kien arrestat l-ewwel darba nhar it-Tlieta fir-residenza tiegħu f’Kiev imma folla ta’ partitarji tiegħu rnexxielhom jeħilsuħ.
L-awtoritajiet Ukren qed isostnu li Saakashvili qed ikun finanzjat minn negozjanti qrib il-Kremlin. Jekk jinstab ħati, Saakashvili qed jissogra ħames snin ħabs.
Hu qed jissogra wkoll li jiġi estradat lejn il-Georgia fejn hu mfittex minħabba korruzzjoni. Hu jsostnu li dawn l-akkużi tfasslu għal raġunijiet politiċi.
Hu kien serva bħala Gvernatur ta’ Odessa fl-Ukrajna wara li ħarab mill-Georgia u wara li kien inħatar minn Poroshenko fl-2015. Qabel ma mar igħix fl-Ukrajna, Saakashvili kien serva għal kważi għaxar snin bħala President tal-Georgia.