Lokali

“Se nkunu partit pożittiv bis-sostenn tan-nies” – Adrian Delia qabel il-Maratona ġbir ta’ fondi

Għada ssir il-Maratona Ġbir ta' Fondi tal-Partit Nazzjonalista, live fuq Net TV minn 12p.m. 'l quddiem

Għada ssir il-maratona ġbir ta’ fondi li jorganizza kull sena l-Partit Nazzjonalista fi żmien il-milied. Din is-sena l-maratona għandha t-tema “Jien lest li ngħin”. Il-maratona tibda f’nofsinhar u tixxandar live fuq Net Television u b’xandira speċjali fuq Radio 101.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li “se nkunu partit pożittiv bis-sostenn tan-nies”. Adrian Delia qal li rridu nagħmlu tibdiliet sħaħ billi dak li sar tajjeb inżommuħ u nkunu rivoluzjonarji fil-ħsieb tagħna billi dak li għandu jinbidel ma nibżgħux inbiddluh. Jista’ jkun li hemm affarijiet li fid-dinja ta’ llum m’għadhomx jaħdmu.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif irridu nibdew naħsbu fuq dak li għandu jkun ir-riżultat. Li hu żgur hu li l-valuri u l-morali li fuqhom jibbaża l-PN żgur li għadhom tajbin għaliex dak hu li jagħmel lill-PN, jiġifieri dawk hemm se jibqgħu.

Adrian Delia spjega kif il-maratona ġbir ta’ fondi ta’ għada hi triq li l-Partit Nazzjonalista mhux se jagħmilha waħdu imma konvint li l-pubbliku għal darb’ ohra se jerġa’ jkun lest li jgħin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-PN ma jiddependix billi jmur jaħtaf propjeta’ tal-gvern, jew tal-privat jew tan-nies imma jiddependi mill-ftit li jagħtu ‘l ħafna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia spjega kif bħalissa l-Partit jinsab fl-Oppożizzjoni iżda mhux se jibqa’  hemm għal dejjem u għalhekk qed jaħdem biex dan iseħħ. “Imma sadanittant irridu naħdmu biex inkunu oppożizzjoni b’saħħitha mhux biss biex nieqfu lill-gvern fejn ikun miexi ħażin imma noffru soluzzjonijiet u proposti” kompla jishaq Adrian Delia.

Fi tmien l-intervista il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rringrazzja lill-ħaddiema tal-midja tal-partit, lill-ħaddiema tal-partit  u anke lill-voluntiera li jagħtu l-ħin tagħhom matul is-sena u li ma jkunu qed jistennew xejn lura.

Il-linji tad-donazzjonijiet diġa huma miftuħa, tal-€10, €25 tal-€50 u sms ta’ 6.99 hemm ukoll il-faċilita’ ta’ donazzjonijiet online fuq pn.org.mt/maratona.

Bħal kull maratona, ma jonqosx l-element ta’ varjetà mużikali bl-aqwa talent lokali, inkluż il-band ta’ Mark Spiteri Lucas. Numru sabiħ ta’ korijiet se jkunu preżenti wkoll biex ikomplu jagħtu kulur lill-maratona u nkomplu nidħlu iktar fl-ispirtu tal-Milied.

Għall-ewwel darba, il-maratona se tiżżewwaq b’numru ta’ personalitajiet magħrufa għall-komiċità tagħhom. Matul il-maratona dawn se jagħmlu stand up comedy minn ħin għal ħin, b’animazzjoni ta’ diversi anedotti umoristiċi.

Il-Maratona – 12-il siegħa sħaħ ta’ trasmissjoni kontinwa – se titmexxa minn preżentaturi magħrufa sew għall-ħidma tagħhom fuq Net Television u Radio 101.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, se jkun qed iżur xi każini tal-Partit Nazzjonalista filgħodu u jkompli jiltaqa’ man-nies biex waranofsinhar ikun jista’ jingħaqad ukoll f’ħinijiet differenti fit-trażmissjoni diretta bejn nofsinhar u nofsillejl.