Titjiriet minn u lejn l-ajurport ta’ Birmingham, fir-Renju Unit, ġew sospiżi minħabba tempesta bil-borra li laqtet ir-Renju Unit u kkawżat diversi problemi.
Kmieni dalgħodu l-ħaddiema tal-ajruport kienu qed jippruvaw inaddfu l-mitjar mis-silġ wara l-borra li niżlet matul il-lejl. Madankollu l-ħidma tal-ajruport kellha titwaqqaf minħabba t-temp ħażin.


Dan wassal biex titjiriet minn dan l-ajruport lejn pajjiżna, u viċi versa, ġew sospiżi b’mod indefinittiv. Fost dawn, FR 3902 tar-RyanAir, li kellha tħalli pajjiżna fil-11:50, kif ukoll it-titjira minn Birmingham lejn Malta li kellha tasal fil-11:25. Titjira tal-istess linja tal-ajru lejn Luton, li kellha tasal f’pajjiżna fil-11:20 s’issa mistennija tittardja sas-13:20.

L-uffiċċju meterjoloġiku fir-Renju Unit qed iwissi li ċ-ċentru tal-Ingilterra u n-naħa ta’ fuq ta’ Wales, kif ukoll partijiet mill-Iskozja għandhom jistennew iżjed borra matul il-ġurnata. F’xi każi hu previst li tinżel mal-20 ċentimetru ta’ borra.
Ħarġu wkoll diversi twissijiet, b’żoni bħal Powys, Herefordshire, Shropshire, Leicestershire, Worcestershire u Bedfordshire li diġa’ rrappurtaw ammont kbir ta’ borra. Saħansitra ngħalaq l-aċċess għal komunitajiet rurali f’dawn iż-żoni minħabba l-periklu fit-toroq.
//= $special ?>

