Sport Sport Ieħor

Duncan Micallef preżentat uffiċjalment bħala ċ-Champion Ewropew tat-Top Fuel Dragster

Duncan Micallef (lemin) flimkien mas-sewwieq tal-Formula 1 Sebastian Vettel

Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Awtomobiliżmu organizzat l-Assemblea Ġenerali tagħha f’Pariġi li biha għalqet is-sena tagħha, fejn fosthom l-FIA ltaqgħet mal-klabbs tal-isport u l-membri tagħha madwar id-dinja. L-attivitajiet spiċċaw b’ikla u preżentazzjoni fil-Palazz ta’ Versailles fejn ir-rebbieħa tal-kampjonati sportivi mondjali kollha tal-Federazzjoni kienu onorati.

Il-palazz li fih saret il-premjazzjoni tal-FIA, għandu oriġini li tmur lura għas-seklu sbatax. Hu sit ta’ wirt dinji għal 30 sena kif ukoll wieħed mill-akbar kisbiet fl-arti Franċiża tas-seklu 17.

Is-sewwieq Malti Duncan Micallef kien preżentat bit-trofew bħala r-rebbieħ tat-Top Fuel Drag Racing. Flimkien miegħu kien hemm il-mara tiegħu Yanika Micallef, il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport Tonio Cini u Oliver Attard, kif ukoll Pierre Vella li attenda ġimgħa ta attivitajiet fi Franza f’isem it-Touring Club Malta.

L-attenzjoni prinċipali kienet il-preżentazzjoni tat-trofew lil Lewis Hamilton bħala rebbieħ tal-kampjonat tal-Formula 1 għar-raba’ darba. Sebastien Ogier kien rikonoxxut bħala r-rebbieħ tal-FIA World Rally. Fil-kampjonat tad-dinja tal-Endurance Timo Bernhard tal-Ġermanja u l-koppja ta’ New Zealand Earl Bamerand u Brendon Hartley kisbu t-titlu tal-kampjonat tas-sewwieqa, u għenu lil Porsche biex jiffirma għal erba’ staġuni. Dexter Patterson, Paolo de Conto u Dannyn Keirle kienu konfermati rebbieħa.