Futbol Sport

Gżira United iwaqqfu lil Valletta

Andrew Cohen jipprova jaqbeż lil Ibrahim Saleh (Ritratt: Matthew Tabone)

GŻIRA U…………..2

VALLETTA………1

Gżira: J. Haber, S. Borg, A. Machedo Neto, S. Diamoutene, Z. Scerri, M. Avila Perez (L. Brincat 92’), R. Briffa, A. Cohen (G. Muir 77’), J. Corbolan (N. Muscat 12’), E. Okoye, A. Samb

Valletta: H. Bonello, S. Borg, R. Camilleri, J. Borg, J. Zerafa, J. Cruz Gill (R. Muscat 7’), C. Pani, I. Saleh, S. Malano (D. Rocha dos Santos 56’), M. Piciollo (U. Umeh 71’), K. Nwoko

Imwissija: M. Piciollo 14’, J. Zerafa 24’ (V), A. Samb 64’, M. Avila Perez 65’, Z. Scerri 76’, R. Briffa 79’, S. Diamoutene 80’ (G)

Tkeċċa: S. Borg 93’ (V)

Skorjaw: A. Samb 3’, J. Corbolan 6’ (G), D. Rocha dos Santos 67’ pen (V)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Luke Portelli, Sammy Attard

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Amadou Samb (Gżira United)

Attendenza: 914

Żewġ gowls kmieni fil-logħba wittew it-triq għal rebħa importanti ta’ Gżira United wara li għelbu lil Valletta 2-1, biex b’dan ir-riżultat, Gżira laħqu lill-istess Valletta fit-tieni post tal-klassifika, tliet punti taħt il-leaders Balzan li issa jinsabu waħedhom fil-quċċata.

Il-Maroons kienu ġejjin minn rebħa biss fl-aħħar ħames logħbiet fil-kampjonat kif ukoll ġimgħa ilu kienu eliminati mill-Boost FA Trophy. Għaldaqstant, huma ħarġu determinati li jiksbu l-massimu tal-punti minn din il-logħba.

Fl-assenza ta’ Clifford Gatt Baldacchino li kien sospiż, il-kowċ Darren Abdilla għamel bidla fid-difiża, b’Roderick Briffa jilgħab fuq in-naħa leminija tad-difiża kontra l-eks tim tiegħu. Sacha Borg lagħab fuq ix-xellug filwaqt li Souleymane Diamoutene u Antonio Machedo Neto bdew bħala difensur ċentrali. Fin-nuqqas ta’ Briffa minn nofs il-grawnd, beda Zach Scerri li kellu l-logħba tajba.

Il-Gżirjani marru minn fuq wara biss tliet minuti meta minn kross mix-xellug ta’ Sacha Borg, Amadou SAMB rebaħ id-dwell ma’ Jean Borg u b’daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb lil Henry Bonello.

Gżira kellhom vantaġġ numeriku parzjalment wara li Jean Borg kellu jirċievi trattament f’rasu, u rnexxielhom jirdoppjaw tliet minuti wara hekk kif Juan CORBOLAN daħal fil-kaxxa avversarja mix-xellug, u b’xutt djagonali fil-baxx għeleb lil Bonello.

Ironikament din kienet l-aħħar azzjoni tiegħu hekk kif kellu jinbidel fl-10 minuta. Valletta wkoll għamlu bidla sfurzata wara li Rowen Muscat daħal flok l-imweġġa’ Juan Cruz Gill.

Valletta bdew jattakkaw b’aktar plejers biex jitfgħu l-pressjoni u fl-20 minuta għal ftit ma sofrewx it-tielet gowl. Bonello naqas li jieħu l-kross ta’ Samb mil-lemin, il-ballun spiċċa għand Okoye iżda t-tentattiv tiegħu kien imxellef f’korner.

Lejn tmiem l-ewwel taqsima, xutt kross ta’ Okoye għadda ftit barra. Fuq in-naħa l-oħra xutt ta’ Rowen Muscat minn barra l-kaxxa spiċċa fuq il-lasta.

Valletta ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u bdew jiddominaw il-pussess, iżda Gżira baqgħu attenti. Huma naqsu d-distakk f’nofs it-tieni taqsima meta s-sostitut Muscat twaqqa’ fil-kaxxa, b’Gżira jipprotestaw għal din id-deċiżjoni. Mill-11-il metru, is-sostitut Denni ROCHA DOS SANTOS skorja l-gowl li ta nifs ġdid lit-tim tiegħu.

Gżira bdew joperaw aktar bil-kontrattakk u fid-79 minuta għal ftit ma skorjawx it-tielet gowl b’Okoye jolqot il-lasta wara azzjoni tajba ta’ Samb. Il-Maroons baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem, b’Valletta jispiċċaw il-logħba wkoll b’għaxar plejers wara li tkeċċa Steve Borg fil-ħin miżjud.