Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: ‘Il-linji ta’ komunikazzjoni jevitaw il-gwerra’

 

Uffiċjal għoli tan-Nazzjonijiet Uniti informa lill-uffiċjali ewlenin tal-Korea ta’ Fuq dwar il-‘ħtieġa urġenti’ li l-linji ta’ komunikazzjoni ma’ Pyongyang jinżammu miftuħin biex tonqos it-theddida ta’ gwerra.

Dan sar magħruf wara ż-żjara ta’ Jeffrey Feltman fi Pyongyang, u fejn hu sar l-ogħla uffiċjal tan-NU li qatt żar lill-Korea ta’ Fuq f’dawn l-aħħar sitt snin.

Il-Korea ta’ Fuq qed tgħid, intant, li qablet dwar ‘komunikazzjonijiet regolari man-NU’ fi żmien ta’ tensjoni kbira dwar il-programm tal-armamenti tar-reġim fi Pyongyang.

Stqarrija tan-Nazzjonijiet Uniti sostniet li l-uffiċjali komunisti li ltaqgħu ma’ Feltman, li hu l-kap tal-affarijiet politiċi tan-NU, qablu li s-sitwazzjoni fil-peniżola Koreana ‘hi l-aktar waħda perikoluża u qed isservi bħala theddida għall-paċi fid-dinja’. Intant, Feltman qal li l-komunità internazzjonali hi impenjata għal soluzzjoni paċifika waqt li tinnota l-ħtieġa ‘li jevitaw xi miskalkulazzjoni ħalli jonqos il-potenzjal ta’ konflitt.’

Il-komunisti fi Pyongyang qed jgħidu li għandhom missila ‘avvanzata biżżejjed biex tolqot diversi zoni fl-Istati Uniti’ – bil-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar jiem, torganizza prova għal missila ballistika partikulari, bi sfida għas-sanzjonijiet tan-NU fil-konfront tagħha.

Intant, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, organizzaw sensiela ta’ eżerċizzji militari bħala wirja ta’ saħħa . Fl-istess ħin, il-Korea t’Isfel qalet, issa, li se tissieħeb mal-Amerikani fl-impożizzjoni ta’ sanzjonijet ġodda kontra Pyongyang, b’ismijiet ġodda ta’ kumpanniji u individwi jiżdiedu ‘mal-lista s-sewda ta’ Seoul’ li ssir effettiva millum.

Dan il-pass hu intiż biex jaqta s-sorsi għall-finanzjament tal-programm Korean komunista biex jipproduċi l-missili bil-kapaċità li jġorru materal nukleari.