It-tensjoni dovuta għall-għarfien, mill-Istati Uniti, ta’ Ġerusalemm, bħala l-kapitali ta’ Iżrael kompliet tinfirex fil-Lvant Nofsani, fost ir-riperkussjonijiet allarmanti.
Dan meta fil-Libanu żbruffaw konfronti vjolenti qrib l-Ambaxxata Amerikana lejn it-Tramuntana ta’ Bejrut, waqt l-aħħar protesti kontra d-dikjarazzjoni mill-President Amerikan Donald Trump dwar ‘l-istatus ġdid ta’ Ġerusalemm’.
Il-qawwiet tas -sigurtà Lebaniżi sparaw il-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma biex jitfgħu lura lill-folol tad-dimostranti rrabjati li kienu waslu qrib ħafna tal-ambaxxata.
Id-dimostranti tefgħu l-ġebel u qabbdu n-nirien fit-triq viċin l-Ambaxxata Amerikana fid-distrett ta’ Awkar, bil-qawwiet tas-sigurtà jtellgħu il-barrikati fit-triq ewlenija li twassal lejn dak il-kumpless.
Ir-rapporti qalu li wħud mid-dimostranti – li kienu mgħammdin — pruvaw jitilgħu fuq il-barbed wire fl-inħawi bil-għan li jidħlu fl-artijiet tal-ambaxxata. Dan fost għajjat kontinwu ta’ kundanna għall-President Trump, bil-Kap tal-Partit Komunista tal-Libanu, Hanna Gharib, jagħmel diskors lid-dimostranti fejn fisser lill-Istati Uniti bħala ‘l-għadu tal-Palestina’.
Fil-Libanu qed jgħixu mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati Palestinjani, fosthom familji u d-dixxendenti tagħhom li kienu ħarbu minn Iżrael fis-sena meta kien twaqqaf dan l-Istat.
Sadanittant, il-protesti ħorox mill-Palestinjani u s-sostenituri tagħhom ma waqfux mindu Donald Trump, nhar l-Erbgħa, ħabbar l-intenzjoni tiegħu biex jirrikonoxxi Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana. Id-dimostrazzjonijiet ta’ rabja qed isiru fil-Lvant Nofsani u anki fil-pajjiżi mbiegħdin mir-reġjun.
Iżrael dejjem kien iqis lil Ġerusalemm bħala l-kapitali tiegħu, bil-Palestinjani qed jinsistu biex il-Lvant ta’ Ġerusalemm – li l-Iżraeljani kienu ħatfu fil-Gwerra tal-1967 – isir il-kapitali ta’ Stat futur tal-Palestina. Intant, Donald Trump qal li d-deċiżjoni tiegħu dwar Ġerusalemm tirrispetta l-wiegħda elettorali li kien għamel u li din hi anki ‘rikonoxximent tar-realtà’.
Sadanittant, il-Lega Arbija kkundannat id-deċiżjoni tal-Istati Uniti dwar Ġerusalemm u sostniet li l-Istati Uniti ‘ma tistax tkun fdata bħala sponsor tal-paċi fil-Lvant Nofsani’.
Ir-riżoluzzjoni tal-Lega ħarġet wara sigħat ta’ taħditiet fl-Eġittu u din kellha l-appoġġ ta’ diversi alleati tal-Istati Uniti, fosthom l-Emirati Għarab Magħquda, l-Arabja Sawdija u l-Ġordan, li kienu diġà tennew tħassib dwar is-sitwazzjoni.
Intant, ir-riżoluzzjoni qalet li l-pass ta’ Donald Trump ‘kompla jżid it-tensjoni fil-Lvant Nofsani minbarra li qed jhedded aktar vjolenza u kaos fir-reġjun’. Inghad ukoll li se ssir talba lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jikkundanna d-dikjarazzjoni tal-Amerikani dwar Ġerusalemm.
//= $special ?>

