Lokali

Il-kumpanija privata ‘Crane Currency’ tinbigħ għal $800 miljun

Biex ġiet Malta, il-poplu Malti se jkun ħareġ miljuni ta’ ewro minn butu għal investiment mill-privat… issa, l-istess kumpanija inbigħat għal $800 miljun

Il-kumpanija ‘Crane Currency’, li s-sena li għaddiet il-Gvern kien ħabbar li se tiġi Malta b’investiment ta’ $100 miljun (li minnhom, il-poplu Malti se jkun ħareġ miljuni ta’ ewro minn butu f’għajnuna mill-istat), se tinbigħ lil kumpanija oħra barranija għall-valur ta’ madwar $800 miljun.

‘Crane Currency’, ibbażata f’Boston fl-Istati Uniti (u li kien tħabbar li se tiftaħ impjant f’Malta) se tkun qed tinxtara minn kumpanija Amerikana differenti u separata bl-isem ‘Crane Co.’, ibbażata fi Stamford. Il-bejgħ tħabbar ftit tal-jiem ilu u l-impjegati kollha ta’ Crane Currency ġew infurmati b’din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra ffirmata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Crane Currency Stephen DeFalco.

Kien f’Settembru tas-sena li għaddiet li l-awtoritajiet Maltin kienu ħabbru li Crane Currency għażlet li tiġi topera minn impjant f’Malta. Għal dan il-għan kien saħansitra ġie ffirmat ftehim bejn il-Kap Eżekuttiv ta’ Crane Currency u l-Prim Ministru Joseph Muscat. Crane Currency topera fil-qasam tal-istampar tal-flus u f’Malta kellu jsir investiment ta’ $100 miljun biex il-kumpanija ‘Crane Currency’ tkun tista’ tibda topera.

Iżda wara dik l-aħbar, kien ġie żvelat li l-Gvern Malti kien qed jippjana li jagħti għajnuna mill-istat lil din il-kumpanija. Filfatt, il-gazzetta The Times kienet żvelat li skont sorsi qrib tagħha, il-poplu Malti kien se jispiċċa joħroġ mat-€80 miljun minn butu biex ikun jista’ jiffinanzja l-proġett privat ta’ Crane Currency f’Malta – anke jekk hemm tħassib dwar jekk din l-għajnuna mill-istat hijiex legali skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Fl-isfond ta’ dan kollu, u fl-isfond tal-probabbilta’ li se jkun il-poplu Malti li jiffinanzja parti kbira tal-investiment ta’ Crane Currency f’Malta, issa sar magħruf li ‘Crane Currency’ inbiegħat lil kumpanija oħra għal $800 miljun – jiġifieri ferm aktar minn kemm il-poplu Malti se jkun ħallas minn butu biex ‘Crane Currency’ tiġi Malta fuq inizjattiva tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Waqt li l-poplu se joħroġ il-miljuni minn butu biex jagħmel tajjeb għal investiment mill-privat, ‘Crane Currency’ ilha mill-2008 tħejji biex tinbigħ

Filfatt, sorsi li tkellmu ma’ NET News staqsew jekk kienx għaqli għall-Gvern li jinnegozja pakkett massiv bħal dan ta’ għajnuna għal ‘Crane Currency’, anke jekk il-kumpanija kienet waħda b’saħħitha u b’valur li minn dejjem seta’ jagħmel tajjeb għal kwalunkwe investiment li ‘Crane Currency’ xtaqet tagħmel f’Malta.

Iktar minn hekk, NET News jinsab infurmat li ‘Crane Currency’ ilha mill-2008 tippjana biex tinbiegħ. Filfatt, sa mill-2008 beda jsir ċaqlieq finanzjarju fil-kumpanija bl-iskop li tibda titħejja sodda tajba li aktar ‘il quddiem tkun tippermetti li jsir il-bejgħ. Fost iċ-ċaqlieq li kien sar kien hemm investimenti mill-kumpanija Amerikana ‘Lindsay Goldberg’, li tispeċjalizza fit-tisħiħ ta’ kumpaniji u investimenti eżistenti.

Il-preparamenti, li ilhom għaddejjin mill-2008, sabu s-sod meta bdew taħdidiet bejn ‘Crane Currency’ u ‘Crane Co.’. Jidher li issa kollox ġie maqbul u l-ftehim finali li jagħlaq il-proċess kollu tal-bejgħ hu mistenni li jsir fl-ewwel kwart tal-2018.

Fl-ittra li l-Kap Eżekuttiv ta’ ‘Crane Currency’ bagħat lill-impjegati, hu qal li ‘Crane Co.’ sabet lil ‘Crane Currency’ attraenti peress li riedu jkomplu jinvestu u jibqgħu jkunu l-mexxejja innovattivi fil-qasam tal-istampar tal-flus’, u li din id-deċiżjoni ‘se żżid l-opportunitajiet’ għall-impjegati ta’ ‘Crane Currency’.

Imma l-mod kif ‘Crane Currency’ ħatfet l-opportunita’ u tat lilha nnifisha għall-bejgħ lil kumpanija ferm akbar minnha, iqajjem dubju dwar ir-raġuni għalfejn il-Gvern Malti ħass li kellu jwiegħed lil ‘Crane Currency’ għajnuna ta’ madwar €80 miljun mit-taxxi tan-nies biex ikunu jistgħu jiftħu faċilita’ tal-istampar tal-flus f’Malta.

’Crane Currency’ tqanqal mistoqsijiet dwar possibilta’ ta’ kunflitt ta’ interess minn Keith Schembri

Sadanittant, filwaqt li jqumu mistoqsijiet dwar ir-raġunijiet għaliex il-Gvern għażel li jinnegozja ma’ ‘Crane Currency’ u jwegħda pakkett finanzjarju ta’ għajnuna minn but il-poplu Malti, jerġgħu jitfaċċaw dubji u mistoqsijiet dwar il-possibilta’ ta’ kunflitt ta’ interess miċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri.

Dan hekk kif Keith Schembri, sid il-kumpanija Kasco Ltd, hu aġent tal-kumpanija ‘Komori’, kumpanija li kienet qed tinnegozja ma’ ‘Crane Currency’ biex tissupplixxiha bil-magni. Emails ippubblikati dak iż-żmien mill-gazzetta In-Nazzjon kienu urew biċ-ċar li dik kienet l-ewwel darba li ‘Komori’ kienet qed tinnegozja ma’ ‘Crane Currency’.

Id-dubji dwar possibilta’ ta’ kunflitt ta’ interess iqumu peress li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat stess li f’Settembru tas-sena li għaddiet kien faħħar liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għas-sehem tiegħu biex ‘Crane Currency’ għażlet lil Malta. “Jien irringrazzjajtu, tar-rwol li għamel biex jiffaċilità l-affarijiet u din il-kumpanija issa se tibda topera f’Malta,” kien qal Muscat f’Settembru 2016.