Lokali

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jorganizza Pjazza Milied għat-tielet sena konsekuttiva

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkun qed jorganizza Pjazza Milied. Il-qaddis patrun tar-raħal tas-Siggiewi San Nikola, għandu rabta speċjali mal-Milied. Il-valuri tiegħu ta’ generożità, karità u solidarjetà ispiraw il-karattru ta’ Santa Klaws li f’dan iz-zmien tas-sena jferrah lit-tfal. Pjazza Milied fis-Siggiewi tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali bis-sehem ta’ volontiera, artisti u għaqdiet lokali.

Il-programm tal-attività li se ssir fi 13 ta’ Dicembru 2017 bejn 10am u 7pm, jinvolvi lil diversi persuni jew għaqdiet li jirrapreżentaw setturi differenti tal-komunità Siġġiwija. Għalhekk il-programm tal-attività jinkludi ideat u attivitajiet li jolqtu persuni b’interessi u etajiet differenti. Fil-fatt, l-programm jinkludi Breakfast with Santa għat-tfal u attivitajiet oħra għalihom, workshop dwar l-pasturi, stands tal-ikel u prodotti, esebizzjoni tal-kejkiet, divertiment fuq l-palk, dimostrazzjonijiet ta’ martial arts, swordfighting, archery, wirjiet marbuta mal-Milied, crafts u artiggjanat, fost oħrajn.

Is-Sindku tas-Siggiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li l-Kunsill Lokali huwa mpenjat li jsaħħaħ ukoll l-għarfien kulturali dwar ir-raħal tas-Siġġiewi. Għalhekk il-programm ta’  Pjazza Milied jinkludi  wkoll żjara kulturali. Din is-sena, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Kulturali Siġġiewi se ssir żjara fil-Knisja l-Qadima fl-10.30am. Spiss jingħad li l-wirt storiku fl-irħula tagħna għandu potenzjal kbir biex isaħħaħ l-edukazzjoni kulturali u l-prodott turistiku. Għalhekk, il-Kunsill Lokali jħeġġeġ parteċipazzjoni f’dawn ż-żjarat kulturali li huma ta’ nteress ukoll anke għal min ma joqgħodx jew għandu konessjoni mas-Siġġiewi.

Is-Sindku tas-Siġġiewi ħeġġet lill-pubbliku jattendi għal din l-attività nhar il-Erbgħa 13 ta’ Diċembru bejn 10am u 7pm, li matulha jinġabru wkoll donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza.