Lokali

Illum il-maratona ġbir ta’ fondi ‘Jien lest li ngħin’ b’risq il-Partit Nazzjonalista

Il-maratona ġbir ta’ fondi bit-tema JIEN LEST LI NGĦIN illum tibda minn nofsinhar ‘il quddiem b’xandira live fuq Net Television, xandiriet speċjali fuq radio 101 u anke trażmissjonijiet online u fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Net News.

Fil-maratona mhux se jonqos l-element ta’ varjetà mużikali bl-aqwa talent lokali. Numru sabiħ ta’ korijiet se jkunu preżenti wkoll biex ikomplu jagħtu kulur lill-maratona u nkomplu nidħlu iktar fl-ispirtu tal-Milied.

Għall-ewwel darba, il-maratona se tiżżewwaq b’numru ta’ personalitajiet magħrufa għall-komiċità tagħhom, fosthom Ron, Hector Bruno, Mario Micallef, Sandro Vella u Toni Busuttil. Matul il-maratona dawn se jagħmlu standup comedy minn ħin għal ħin, b’animazzjoni ta’ diversi anedotti umoristiċi.

Il-Maratona – 12-il siegħa sħaħ ta’ trasmissjoni kontinwa – se titmexxa minn preżentaturi magħrufa sew għall-ħidma tagħhom fuq Net Television u Radio 101.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, se jkun qed iżur xi każini matul il-ġurnata u f’ħinijiet differenti jingħaqad fit-trażmissjoni diretta tal-maratona.

Il-linji tad-donazzjonijiet diġa huma miftuħa, tal-€10, €25 tal-€50 u sms ta’ 6.99 hemm ukoll il-faċilita’ ta’ donazzjonijiet online fuq  pn.org.mt/maratona.