Il-Kampanja Internazzjonali ‘Ican’ għall-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari qalet li d-dinja qed tiffaċċja ‘kriżi nukleari minn persuna li tista’ tħossha urtata personalment’ — b’din it-twissija tidher li qed tirreferi b’mod partikulari għat-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq komunista.
Waqt li aċċettat il-Premju Nobel għall-Paċi, id-direttur eżekuttiv ta’ ‘Ican’, Beatrice Fihn, qalet li ‘l-imwiet ta’ miljuni ta’ nies jista’ jkun sempliċi espressjoni waħda ta’ rabja ‘il bogħod’. Hi kompliet li l-għażla quddiem il-bniedem ukoll hi sempliċi, ‘fejn aħna nistgħu nagħżlu t-tmiem tal-umanità jew tal-armi nukleari.
L-ostilità kbira bejn il-President Amerikan, Donald Trump u t-Tmexxija tal-Korea ta’ Fuq kemm il-darba kienet riflessa f’attakki personali ‘minn naħa kontra l-oħra’.
Meta tkellmet waqt iċ-ċerimonja għall-preżentazzjoni tan-Nobel f’Oslo, Beatrice Fihn wisset li ‘mument ta’ paniku kapaċi jwassal għall-qerda tal-ibliet u l-qtil ta’ miljuni mill-armamenti nukleari’.
Skont hi, is-sogru li jintużaw l-armi ‘hu akbar, illum, milli kien waqt l-era tal-Gwerra l-Bierda’.
//= $special ?>

