Ilbieraħ wara nofsinhar fil-korsa ta’ La Favorita f’Palermo fi Sqallija, saret l-aħħar tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran u Pajjiżi Baltiċi. Ir-rappreżentant Malti f’din l-aħħar tappa kien iż-żagħżugħ Għawdxi Marco Refalo. Din kienet l-ewwel esperjenza internazzjonali għal dan is-sewwieq u żgur ser tibqa’ waħda memorabbli meta rnexxielu jirbaħ l-ewwel tiġrija u jispiċċa t-tielet fit-tieni tiġrija.
B’din il-prestazzjoni eċċezzjonali mhux talli Marco Refalo spiċċa l-aqwa sewwieq ta’ din it-tappa iżda assigura li t-tim Malti għal darba oħra jkun dikjarat rebbieħ ta’ dan il-Kampjonat mifrux fuq erba’ pajjiżi.
It-tim Malti kien magħmul minn Anthony Demanuele, li ħa sehem fl-ewwel tappa li saret f’Malta fil-31 ta’ Marzu, Charles Camilleri, li ħa sehem fit-tappa li saret f’Cagnes-sur-Mer Franza fil-15 ta’ Lulju, Kurt Saliba, li ħa sehem fit-tappa li saret fil-Korsa ta’ Moska r-Russja fl-10 ta’ Settembru u sintendi Marco Refalo.
Din mhux l-ewwel darba li t-tim Malti rebaħ dan il-Kampjonat li din is-sena kien kontestat minn seba’ pajjiżi. Fit-tieni post spiċċat is-Serbja u t-tielet Franza.
//= $special ?>