Manchester City kisbu rebħa importanti meta għelbu lil Manchester United 2-1 f’Old Trafford, biex issa jinsabu 11-il punt vantaġġ f’ras il-klassifika tal-Premier League Ingliż.
Manchester City fetħu l-iskor fit-43 minuta meta kien David Silva li għeleb lil De Gea mill-viċin wara li l-ballun spiċċa għandu minn azzjoni ta’ korner. Manchester United wettqu reazzjoni immedjata u ġabu d-draw qabel il-mistrieħ, b’Marcus Rashford jegħleb lil Ederson b’xutt fil-baxx.
Iżda fit-tieni taqsima, Manchester City skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fl-54 minuta, meta minn free-kick mix-xellug, il-clearance ta’ Lukaku ħabtet ma’ Lingard, bil-ballun jispiċċa għand Nicolas Otamendi li għeleb lil De Gea mill-viċin.
Liverpool kienu frustrati f’Anfield fi draw ta’ 1-1 kontra Everton. Mohamed Salah kien fetaħ l-iskor għal Liverpool fit-42 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna li ma tax ċans lil Pickford. Everton ġabu d-draw fis-77 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Lovren fuq Calvert-Lewin. Mill-11-il metru, Wayne Rooney għeleb lil Mignolet b’xutt ċentrali.
Arsenal u Southampton ukoll spiċċaw 1-1 fis-St. Mary’s Stadium. Charlie Austin poġġa lil Southampton fil-vantaġġ wara tliet minuti b’konklużjoni mill-viċin. Arsenal salvaw il-logħba fit-88 minuta, meta Alexis Sanchez krossja mix-xellug fil-kaxxa, b’Olivier Giroud jogħla tajjeb u jiskorja b’daqqa ta’ ras.
//= $special ?>