Lokali

IN-NUQQAS TA’ SIGURTÀ FIL-MARSA: L-azzjoni tal-Oppożizzjoni twassal lill-Gvern jibda jiċċaqlaq

Residenti Marsin juru gratitudni u apprezzament għall-azzjoni meħuda mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li bl-azzjoni li ħa, poġġa fuq l-aġenda nazzjonali t-tħassib u l-inkwiet li kellhom għal dawn l-aħħar snin

Il-karba tal-poplu fil-Marsa mwassla b’qawwa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista partikolarment mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, u sussegwentament ukoll minn il-mument wasslu biex il-Gvern jibda jagħmel xi ħaġa wara tant pressjoni kbira li kienet qed issirlu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, madwar xahar ilu, fi tmiem attività politika fil-Marsa, mar iċempel il-qanpiena tal-Għadda tal-Pulizija tal-Marsa iżda ma kellu ebda tweġiba hekk kif l-Għassa kienet magħluqa. Residenti Marsin ilhom jilmentaw li l-Għassa tal-Pulizija fil-lokalità tagħhom tkun aktar magħluqa milli miftuħa.

Wara dan l-episodju, il-gazzetta il-mument investigat flimkien mar-residenti is-sitwazzjoni fil-Marsa li ilment komuni li ħareġ kien li fil-lokalità ma hemm sigurtà ta’ xejn, bi ġlied ta’ spiss ħafna u fejn donnhom il-Pulizija ma jistgħux ilaħħqu mal-kriminalità fil-Marsa.

Issa, wara l-azzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, jidher li l-Gvern se jiċċaqlaq dwar is-sitwazzjoni li hemm fil-Marsa. Fl-aħħar jiem, il-Gvern wiegħed li se jara li l-Għassa tal-Pulizija fil-Marsa tibda tinfetaħ kuljum għall-bżonnijiet tal-poplu f’din il-lokalità.

Immigranti imkebbeb f’liżar jew f’biċċa drapp… rieqed f’kantuniera mdawwar b’għadd ta’ oġġetti personali tiegħu. Din hija xena mill-aktar komuni lin-nies tal-Marsa qed iddejjaqhom ħafna iżda l-Kunsill Lokali, għalkemm konxju mill-problema, qed jibqa’ gallarija

Ilmenti tal-Marsin mhux mismugħa mill-Gvern

Il-komunità fil-Marsa kien ilha xhur tipprova twassal il-karba tagħha għal aktar sigurtà effettiva fl-istess lokal iżda l-ilmenti kollha li saru kienu qed jaqgħu fuq widnejn torox għaliex il-Gvern, minkejja ħafna wiegħda fiergħa ma ħax azzjoni konkreta biex fil-Marsa jkun hemm sigurtà effettiva, fosthom ukoll Għassa tal-Pulizija miftuħa kuljum u l-ħin kollu bil-preżenza tal-Pulizija fiha.

Kienet din il-gazzetta li fil-ġimgħat li għaddew investigat fid-dettall is-sitwazzjoni mwiegħra fil-Marsa fejn wara li tkellmet ma’ għadd ta’ residenti setgħet tikkonferma l-biża’ ta’ dawn in-nies li anqas iħallu lil uliedhom żgħar joħorġu mid-dar waħidhom.

L-azzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-investigazzjoni ta’ il-mument diskussi fil-Kabinett

L-azzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-pressjoni li għamlet il-mument fil-ġimgħat li għaddew waslet biex kienet diskussa wkoll f’livell ta’ Kabinett tal-Ministri biex il-Ministeru tal-Intern jibda jieħu azzjoni u jassigura li l-Għassa tal-Pulizija fil-Marsa tibda tinfetaħ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd u tkun il-ħin kollu fiżikament immexxija bil-Pulizija fiha.

Din il-pressjoni kostruttiva ta’ il-mument – li wasslet bl-aktar mod ġenwin l-għajta tal-poplu Marsi – jidher li fl-aħħar qed tinstema’ u fil-jiem li għaddew il-Ministru Michael Farrugia ta l-wiegħda tiegħu għal Għassa tal-Pulizija miftuħa kuljum fil-Marsa.

Nhar il-Ġimgħa li għadda f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Kunsill Lokali fil-Marsa, il-Ministru Farrugia ħabbar li fil-jiem li ġejjin kienu se jilħqu rekluti ġodda u dan kien se jwassal  biex l-Għassa tal-Pulizija tal-lokalità tibda tiftaħ ta’ kuljum.

Il-Ministru Michael Farrugia jikkonferma r-rapporti ta’ il-mument

Il-Ministru Michael Farrugia kkonferma dak kollu li ngħad minn il-mument wara li l-gazzetta tkellmet mar-residenti fil-Marsa jiġifieri li l-Għassa tal-Pulizija fil-Marsa aktar tkun magħluqa milli miftuħa u dan il-fatt kien qiegħed inissel nuqqas ta’ serħan il-moħħ u inkwiet fost in-nies, l-aktar fost il-ġenituri li għandhom tfal żgħar.

Il-Marsin jirringrazzjaw lill-Oppożizzjoni

Sadattant residenti fil-Marsa lix-xahar l-ieħor kienu tkellmu magħna dwar din il-kwistjoni, fis-sigħat li għaddew reġgħu tkellmu ma’ din il-gazzetta u rringrazzjaw ukoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li tella’ fuq l-aġenda nazzjonali din il-problema serja tagħhom.