Lokali

RITRATTI: “Partit pożittiv. Oppożizzjoni b’saħħitha.” – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-mara tiegħu jżuru l-maratona ġbir ta' fondi

“Ir-rispons li qed nieħdu bħala Partit Nazzjonalista hu inkoraġġanti u tremend”, kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, akkumpanjat mill-mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux, matul il-maratona ġbir ta’ fondi fid-Dar Ċentrali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li mill-bidu nett tal-ħajja politika tiegħu hu emmen li l-passaġġ kollu ta’ din it-triq trid issir minn qalb in-nies. Stqarr li l-esperjenza bħala Kap tal-Parit hi waħda mill-isbaħ fejn issa numru kbir ta’ nies qegħdin javviċinawh u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom miegħu. Semma’ wkoll li qed issir ħidma minn naħa tal-Partit Nazzjonalista biex jersqu aktar qrib ta’ entitajiet kummerċjali sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni magħhom – fejn ir-rispons hu inkoraġġanti ħafna.

Adrian Delia kompla jistqarr li l-maratona ġbir ta’ fondi mhijiex ġurnata fejn jinġabru l-flus biss, iżda din tkompli tibni t-triq li beda l-Partit Nazzjonalista, u kull min jemmen fil-messaġġ tal-Partit qed juri l-appoġġ tiegħu li jixtieq jara li f’pajjiżna jkollna Oppożizzjoni b’saħħitha. “Illejla rridu nagħtu messaġġ qawwi – li minkejja t-telfa elettorali ta’ ftit xhur, il-messaġġ hu li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn, ħaj u b’saħħtu”, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Matul l-intervista, tkelmet ukoll il-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Nickie Vella de Fremeaux fejn qalet li minn mindu bdiet issegwi l-politika fi ħdan il-Partit, illum il-ġurnata qed tara aktar saħħa u imħabba mill-attivisti u fl-istrutturi. “Jien kburija bir-raġel tiegħi, li flimkien għamilna dan is-sagrifiċċju biex flimkien inġibu lill-Partit Nazzjonalista fuq saqajh u b’saħħtu”, tenniet Nickie Vella de Fremeaux.

Fl-aħħar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-mara tiegħu rringrazzjaw l-impenn tal-voluntiera, fejn flimkien tennew li huma indispensabbli għall-ħidma fil-Partit.

Ritratti: Roberto Runza / Matthew Tabone