Internazzjonali

Twissija dwar il-borra fir-Renju Unit

L-awtoritajiet fir-Renju Unit ħarġu twissija dwar il-maltemp fuq livell ta’ ‘amber’ u li kien effettiv għal bnadi kbar tal-pajjiż.

Dan fost l-inżul kontinwu tal-borra li ħoloq l-intoppi għal diversi mezzi tat-trasport u fejn waqgħu lura l-iskedi tat-titjiriet u l-ferroviji — bl-ivvjaġġar bil-karozzi wkoll ikun ipprojbit għal numru ta’ zoni.

Kienu reġistrati ‘aktar minn 30 ċentimetru ta’ borra’ f’Sennybridge, qrib ta’ Brecon, f’Wales, li kien l-akbar inżul irreġistrat għall-ġurnata tal-bieraħ.

Kienu anki estiżi t-twissijiet għal ‘aktar inżul ta’ borra u rwiefen kbar’ fin-nofsinar tal-Ingilterra.

S’issa, l-inżul tax-xita u l-irwiefen qed jaffettwa ħafna reġjuni lejn in-naħa t’isfel tal-Ingilterra.

Dan waqt li l-irwiefen qed assedjaw kontinwament l-inħawi ta’ Devon u Cornwall, fost stennija li t-temperaturi jinżlu sewwa taħt iz-zero fi bnadi tal-Iskozja u Wales; b’mod partikulari fl-inħawi rurali iżolati.

Intant, l-‘amber warning’  fl-Ingilterra kien effettiv għall-inħawi ta’ Gloucestershire, Wiltshire, Oxfordshire, Buckinghamshire, Hertfordshire u Essex, waqt li ħarġet twissija fuq livell anqas dwar il-borra fl-inħawi ta’ Liverpool u South Yorkshire.