Lokali

Żviluppi: Tnejn mill-akkużati kienu involuti f’argument jaħraq tlett ijiem qabel l-arrest

Xena minn google street tal-post fejn it-3 persuni li tressqu l-Qorti kienu arrestati
Ġimgħa kruċjali fl-investigazzjonijiet tad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Ħamis, fl-aħħar jum ta’ Novembru li għadda fil-Menqa fil-Marsa, seħħ argument jaħraq ħafna bejn mill-inqas tliet persuni; l-aħwa Degiorgio li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u raġel ieħor.

Jirriżulta li dan l-argument jaħraq seħħ għall-ħabta tal-11am u dak il-ħin Ġorġ Degiorgio “Iċ-Ċiniż” kien qiegħed jistad minn fuq l-art, filwaqt li ħuh Fredu Degiorgio “Il-Fulu” kien qiegħed mimdud fuq sufan barra t-Tinda tal-Patata. Ir-raġel l-ieħor, liebes libsa skura, kien jippassiġġa bejn iż-żewġ aħwa.

L-argument bejniethom kien jaħraq ħafna u eskala sal-punt li t-tlett irġiel f’mument minnhom qablu li jidħlu taħt it-tinda biex il-konversazzjoni vivaċi ta’ bejniethom titkompla f’aktar privatezza u mhux fejn kulħadd seta’ jisma’ dak li ngħad u ntqal.

Il-gazzetta il-mument rrappurtat li s-sorsi ma kinux jafu s-suġġett li dwaru tkellmu Ġorġ u Fredu Degiorgio u t-terza persuna. Li hu fiċ-ċert hu li l-konversazzjoni kienet qawwija u xi drabi ntuża lingwaġġ goff. Aktar tard jidher li l-argumenti ssoktaw ġewwa waħda mit-Tined tal-Patata.

Dak li ġara f’dan il-jum tal-Ħamis b’xi mod spiċċa wasal għand il-Pulizija li allura intensifikaw l-investigazzjonijiet tagħhom b’rabta mad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Tajjeb li jingħad li ftit lil hinn minn dawn it-tined partikulari hemm numru ta’ cameras tas-sigurtà tal-Korporazzjoni Enemalta.

Is-sehem tal-middle-man u l-mandatorju tad-delitt

Fost l-oħrajn, issa l-Pulizija qed issirilha pressjoni kbira dwar il-middle man f’dan il-każ. Jekk it-tliet arrestati u mressqa l-Qorti hu stabbilit li ma kellhom l-ebda mottiv ta’ tpattija lejn il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, allura joħroġ ċar li dawn tqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol partikulari tal-assassinju.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta il-mument fissru li kemm-il darba l-Pulizija verament trid tagħmel biċċa xogħol kompluta dwar dan id-delitt u ssolvih fl-intier tiegħu, allura wara li nhar it-Tlieta tard billejl ressqet il-Qorti Karkariż u żewġ Marsin u akkużathom bl-involviment dirett tagħhom fil-qtil tal-Bidnija, issa trid tissokta bix-xogħol intensiv ħalli taqbad lill-mezzu xark li avviċina lil min għamel il-bomba u lix-xark il-kbir li oriġina l-idea tal-assassinju.

Kollox jindika li l-Pulizija għandha f’idha materjal aktar minn biżżejjed biex issaħħaħ idha fir-rigward tal-każ tagħha kontra Ċensu Muscat u l-aħwa Degiorgio.

Is-sorsi ta’ il-mument jargumentaw li dawn it-tlett irġiel – u possibbilment oħrajn f’dan il-livell – kienu avviċinati minn middle man li wegħedhom somma ta’ flus sabiħa x’jaqsmu bejniethom kemm-il darba huma jieħdu ħsieb ix-xogħol rikjest kollu dwar bomba qawwija li titpoġġa f’karozza mbagħad din tkun attivata.

Il-probabbiltà l-kbira hi li min fiżikament ħadem fuq il-bomba, min fiżikament poġġa l-bomba fil-karozza li kienet qed issuq Daphne Caruana Galizia u oħrajn f’dan il-livell forsi jafu sal-persuna li avviċinat lil xi ħadd minnhom, iżda l-probabbiltà l-kbira ma jafux għal min kienu qed jaħdmu din il-bomba, jiġifieri min kien il-mandant proprju.

Diġà fil-jiem li għaddew il-mument u In-Nazzjon żvelaw bosta fatti importanti ħafna, fosthom kif il-mandant, jew forsi aktar, darba li kien ħareġ bil-pjan tat-tqegħid tal-bomba fil-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia kien avviċina middle man partikulari.

Investigazzjonijiet u interrogazzjonijiet bħal dawn ma huma faċli xejn għall-Pulizija, aktar u aktar meta jkunu qed jiffaċċjaw kriminali ta’ livell qawwi ħafna li minn fommhom tieħu ftit li xejn. Żgur għalhekk li min kien arrestat u tressaq il-Qorti nhar it-Tlieta li għadda ftit li xejn jaf dwar min oriġina l-ħsieb tal-bomba u kien jinteressah biss fis-somma flus miftiehma biex imbagħad tinqasam bejn dawk li jkunu taw sehemhom.

Fiċ-ċert li qed nitkellmu dwar somma flus kbira ħafna li tikkuntenta mhux biss lil min jinvolvi ruħu direttament, imma anki tagħmel tajjeb għall-kobor ta’ delitt bħal dan li kien ippjanat tajjeb ħafna. Il-flus maqsuma jmorru fil-bwiet ta’ min sab u avviċina lin-nies u tal-persuni li fiżikament ħadmu fuq dan l-assassinju.

Għalhekk il-ħidma tal-Pulizija Maltija – bl-għajnuna tal-esperti barranin kif ġara sa issa – għandha tkun iffukata biex jinqabdu l-middle man u l-mandant proprju. Hu b’hekk biss li wieħed jista’ jserraħ rasu li delitt bħal dan jista’ jkun solvut kompletament u mhux ikunu nqabdu biss il-kriminali ta’ ċertu kobor, iżda min ikun ikkummissjonahom jibqa’ jiġġerra barra.

L-ordni biex isiru l-arresti

Kien imbagħad matul tmiem il-ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra meta d-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali tal-Pulizija ġietu l-ordni biex, flimkien ma’ pulizija speċjalizzati u membri tal-Armata armati, jikkoordina blitz għal kmieni t-Tnejn filgħodu biex jinġabru u jkunu arrestati għaxar persuni Maltin speċifikati.

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-Pulizija kienet involuta fl-ippjanar fid-dettall ta’ dan l-attakk li kellu jieħu l-forma ta’ attakk mill-baħar permezz ta’ numru ta’ dinghies li fuqhom kien hemm kemm pulizija kif ukoll suldati. Barra minn hekk, kienet koordinata wkoll ħidma bil-ħelikopter tal-Armata li kellu jittajjar fil-baxx. Magħhom bosta units pajżana – fosthom vannijiet – li fihom kien hemm għadd ta’ pulizija u suldati armati (SWAT).

Kollox beda jidħol fis-seħħ għall-ħabta tal-4 a.m. meta bdew ikunu miġbura rġiel biex jgħinu fl-investigazzjonijiet. L-attakk fuq il-Menqa tal-Marsa sar mas-sbieħ u hemmhekk l-aħwa Degiorgio u Ċensu Muscat litteralment ġew maħsuda u fi ftit tal-ħin kienu arrestati u immanettjati.

Il-Pulizija u l-membri tal-Armata komplew jieħdu kont tas-sitwazzjoni sal-punt li darba kien aċċertat li s-sitwazzjoni hi waħda sigura, il-persuni mmanettjati kienu mgħarrfa li kienu taħt arrest b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Minn hemmhekk l-arrestati ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar investigazzjonijiet u biex jinbdew sensiela ta’ interrogazzjonijiet kif fil-fatt sar fis-sigħat ta’ wara.

Is-sejbiet f’qiegħ il-baħar

Sadattant, iżda, il-post tal-Menqa fil-Marsa baqa’ taħt għassa stretta u sorveljat il-ħin kollu mill-Pulizija li b’reqqa kbira bdiet operazzjoni ta’ tiftix mal-inħawi kollha f’dan is-sit. F’diversi waqtiet fit-tiftix ingħaqdu wkoll membri bugħaddasa mill-Armata Maltija u dan it-tiftix irriżulta tassew pożittiv għaliex minn qiegħ il-baħar ittellgħu diversi oġġetti importanti, fosthom għadd ta’ mowbajls.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li ma hix eskluża l-possibbiltà li daqstant mowbajls ifissru każi kriminali differenti li dawn intużaw fihom f’każi ta’ attivazzjoni ta’ bombi li saru fl-aħħar snin fil-gżejjer Maltin.

Mill-baħar ittella’ wkoll materjal konness mal-manifatturar ta’ bombi u dan jitfa’ dawl mill-aktar importanti fuq l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

L-Erbgħa filgħodu fil-Marsa

L-akkużati maħsuda

il-mument żvelat kif fil-Kwartieri tal-Pulizija fil-Furjana, l-aħwa Degiorgio u anki “Il-Koħħu” kienu litteralment mhux biss maħsuda u perplessi dwar l-arrest tagħhom, imma siekta għalkollox u ftit li xejn ikkollaboraw mal-Pulizija. Mhux hekk biss, iżda dehru wkoll diżappuntati li s-sorsi tagħhom ma indikawlhomx li kienu se jkunu arrestati.

Jidher li dawn il-persuni s-soltu jkunu mgħarrfa minn qabel tramite terza persuna biex hekk psikoloġikament ikunu ppreparati għal dak li jkun ġej. Din id-darba jidher li l-operazzjoni tal-Pulizija tant inżammet bejn ftit nies u mistura li meta sar l-attakk fuqhom ħadd ma kien qed jistenna tali azzjoni.

Madankollu, l-arrest ta’ dawn it-tlett irġiel – Ċensu Muscat ta’ 55 sena minn Birkirkara iżda joqgħod l-Imsida, u l-aħwa Degiorgio li joqogħdu San Pawl il-Baħar, iżda mwielda l-Marsa – kixef għadd ta’ żbalji li l-istess persuni għamlu fl-allegat reat li għamlu. Jekk dawn dejjem kienu jemmnu li l-isplużjoni ttajjar kollox magħha, issa grazzi għat-teknoloġija l-ġdida impurtata u mħaddma mill-FBI u l-Pulizija Finlandiża, hu stabbilit li tibqa’ teżisti traċċa tat-telefonati li jkunu saru minn kull telefown ċellulari.

Jirriżulta li qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dakinhar tad-delitt u fil-jiem u l-ġimgħat ta’ wara saru telefonati f’din ir-relazzjoni u għalhekk l-esperti setgħu jgħaqqdu stampa aktar ċara tal-persuni involuti.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stess nhar it-Tnejn filgħodu meta ta l-aħbar dwar ir-rejds li kienet qed tagħmel il-Pulizija, stqarr li hu kien jaf tajjeb dak li ġara iżda f’dan l-istadju tal-investigazzjonijiet ma setax jamplifika.

Ir-rwol importanti fix-xogħol kollu li sar fil-ġimgħat li għaddew kien mis-Servizz Sigriet Malti li ħadem ħafna mhux biss fuq il-livell ta’ monitoraġġ ta’ mowbajls u telefonati, iżda għamel ukoll ċertu xogħol ta’ shadowing fir-rigward ta’ għadd ta’ persuni.

Nhar it-Tlieta tard filgħaxija l-Pulizija ressqet il-Qorti l-ewwel tliet akkużati u akkużathom b’sensiela ta’ reati mill-aktar gravi, fosthom il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Prosekuzzjoni tal-Pulizija mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra kompliet bil-ħidma tagħha wara din il-fażi tal-proċess u dan billi fil-jiem ta’ wara kompliet tinvestiga dan il-każ li issa kien ħa dimensjoni ġdida.

L-att tal-akkuża tindika affarijiet sensittivi

L-att ta’ akkuża mressqa mill-Pulizija nhar it-Tlieta filgħaxija wkoll tindika ħafna affarijiet importanti u sensittivi u tħalli lok għal interpretazzjonijiet importanti fir-rigward tal-assoċjazzjoni li t-tlett irġiel imressqa l-Qorti jista’ jkun li għandhom ma’ oħrajn f’pajjiżna stess jew saħansitra assoċjazzjoni ma’ terzi lil hinn minn pajjiżna, għalkemm dan jista’ jagħti l-każ li hu remot.

Waħda mill-akkużi fil-konfront tagħhom hi li huma – Ċensu Muscat, Ġorġ u Fredu Degiorgio – ippromwovew, ikkostitwew, organizzaw jew iffinanzjaw għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali. Din l-akkuża tikxef il-ħsieb ċar tal-investigaturi li għandhom informazzjoni b’saħħitha li t-tlett irġiel daħlu f’għaqda bejniethom u possibbilment anki ma’ oħrajn biex setgħu jesegwixxu l-ordni mogħtija lilhom mill-middle man.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li huma żgur li kellhom bżonn terzi persuni biex jaslu biex jiksbu mezz ta’ attivar avvanzat u teknoloġikament avvanzat għar-rigward tal-bomba biex tieħu l-ewwel splużjoni tagħha, kif fil-fatt ġara.

Diġà il-mument kienet żvelat il-mod kif il-bomba kienet attivata… b’device sofistikat maħdum b’intelliġenza kbira biex hekk kif il-karozza tibda tinstaq, xi ħadd jattiva dan id-device u l-bomba tibda tieħu.

Il-Pulizija kienet ilha bosta ġimgħat tħuf u ssegwi mill-qrib ħafna l-movimenti ta’ għadd ta’ persuni suspettati. Bosta kienu arrestati fil-kors tal-ġimgħat li għaddew, filwaqt li oħrajn kienu arrestati fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, sbieħ it-Tnejn jew ftit tal-ħin wara. Il-persuni arrestati fi tmiem proċess ta’ interrogazzjoni ngħataw il-ħelsien proviżorja mill-Pulizija u mhux eskluż li l-Pulizija terġa’ tibgħat għall-istess suspettati biex tissokta bl-investigazzjonijiet tagħha.

Fuq il-lista tal-persuni possibbilment involuti hemm għadd ta’ rġiel – ilkoll Maltin – li b’xi mod jistgħu jkomplu jgħinu fl-istħarriġ. Hemm min isostni li wara dak li ġara nhar it-Tlieta filgħaxija, il-Pulizija tista’ tressaq lil xi persuni oħrajn il-Qorti wkoll u takkużahom b’assoċjazzjoni jew b’xi tipi ta’ reati oħrajn konnessi mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ATT TAL-AKKUŻA

1. Ippromwovew, ikkostitwew, organizzaw jew iffinanzjaw għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali;

2. Ipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali, iżda mhux limitati għall-għoti ta’ informazzjoni jew ta’ mezzi materjali jew ir-reklutaġġ ta’ membri ġodda;

3. Dolożament bil-ħsieb li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia jew li jqiegħdu l-ħajjitha f’periklu ċar ikkaġunawlha l-mewt;

4. Assoċjaw ruħhom ma’ xi persuna jew persuni, f’Malta jew barra, bil-għan li jagħmlu delitt f’Malta li għalih hemm il-piena ta’ priġunerija;

5. Dolożament, b’sustanza esplożiva, għamlu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor;

6. Għamlu jew xjentement żammew jew kellhom għandhom jew taħt il-kontroll tagħhom xi sustanza esplożiva, taħt dawk iċ-ċirkostanzi li jagħtu għaliex wieħed għandu bir-raġun jaħseb li għamluha, żammewha jew kienet għandhom għal ħsieb mhux leċitu;

7. Irrendew ruħhom reċedivi wara li nstabu ħatja b’diversi sentenzi tal-Qrati ta’ Malta u liema sentenzi saru definittivi u ma jistgħux jiġu mibdula.