Lokali

Film Malti fiċ-ċinema Lokali

Il-Misteru tal-Għoġol tad-Deheb, li jibda jintwerà fiċ-ċinemas lokali mill-Ġimgħa 15 ta’ Diċembur, se jkun l-ewwel film Malti adattat għall-familja li qatt sar f’pajjiżna.

L-istorja hi ispirata minn artiklu fir-rivista internazzjonali National Geographic dwar kif fl-1940, grupp Malti ta’ tfal sparixxa taħt l-art b’mod misterjuż waqt ħarġa tal-iskola.

Il-film jiżviluppa dwar żewġ kuġini tfal li, wara li jsibu mappa tat-teżor, jibdew avventura fantastika mimlija bil-misteru u bil-maġija. Huma jkunu qed ifittxu l-Għoġol tad-Deheb, jiġifieri l-istess teżor imsemmi fil-Bibbja. L-avventura tagħhom twassalhom biex jiskopru sigrieti kbar u antiki li l-familjari tagħhom ikunu ilhom is-snin jaħbu, u li jistgħu jbiddlu l-ħajja ta’ kulħadd.

B’direzzjoni ta’ Alenka Falzon, il-film għandu l-kitba ta’ Ruth Frendo, li ma’ Net News tispjega kif kien hemm bżonn proċess ta’ sitt snin biex l-idea nbidlet f’film.

Il-film domna sitt snin mill-bidu tal-istorja s’issa. Għamilna 4 snin fuq l-istorja biss fejn dħalna fi spejjeż kbar biex ġibna esperti li jidħlu fl-istorja. Dan hu proċess li jsir f’Hollywood. Konna nagħmlu 14-il siegħa filming, konna nieqfu biss biex nieklu, biex imbagħad fl-aħħar kien jirriżulta f’minuta xogħol fuq l-iscreen.

Bl-iskop li jkun offrut l-aqwa possibbli, il-film għandu wkoll żewġ konsulenti internazzjonali ta’ livell – Jeff Murphy, rebbieħ ta’ Bafta Award għax-xogħol ta’ kitba tiegħu, u l-konsulenta uffiċjali ta’ Pixar u Disney, Bobette Buster.

L-atturi prinċipali huma ż-żewġt itfal Neve Mansueto u Aiken Buhagiar assistiti minn oħrajn ta’ esperjenza bħal Henry Zammit Cordina, Christabelle Scerri, Deandra Agius u Mandy Micallef Grimaud.

Tkellimna mal-protagonista Neve Mansueto, li tirrakkonta kif minbarra s-sodisfazzjon, dan il-film għallimha ferm ukoll.

Kienet esperjenza memorabbli ħafna u ovjament tgħallimt ħafna, mhux biss fid-drama. Jekk nieħu xi żball, jew jgħiduli ninterpreta l-karattru mod ieħor. Tgħallimt ħafna valuri.

Ma ‘ Net News, Neve twassal ukoll messaġġ ta’ inkoraġġiment għal tfal oħra.