Lokali

FILMAT: Tiġieġa u ħamiema mejta, tyres u ġebel mixħutin – fil-grawnds tal-Verdala

NET News imur fil-grawnds tal-Verdala f'Bormla fejn sibna diżastru u stat ta' abbandun

Eluf raw filmat fuq il-media soċjali li juri l-istat ta’ abbandun li jinsabu fih il-grawnds tal-futbol tal-Verdala f’Bormla – madanakollu l-ebda azzjoni għadha ma ttieħdet mill-awtoritajiet.

Fil-filmat fuq Facebook – jidher l-istat diżastruż b’tiġieġ u ħamiem mejjet fil-grawnd, it-tapit tal-grawnd maqluh u mqatta’, il-lasti msadda u maqluha minn posthom, tyres mixħutin fil-grawnd, ġebel u ċnagen, ħmieġ, u numru ta’ perikli oħra f’dawn l-ispazzji pubbliċi.

NET News mar iżur dan il-post f’Bormla – fejn kif ingħad minn George Ebejer fil-filmat online stess, familji u tfal suppost imorru hemm biex jilgħabu l-futbol. Madanakollu dan il-post tħalla jiddeterjora u jispiċċa fi stat ta’ abbandun bil-possibiltà li xi ħadd iweġġa’ jekk imur f’dan il-post.

NET News żar ukoll il-bini li jinsab fil-viċin tal-grawnds, u li huma wkoll aċċessibbli għall-pubbliku fejn hemm anke affarijiet mormija li ntużaw fit-teħid tad-droga. Dan filwaqt li s-sinkijiet u l-għamara kollha ta’ dak li kien jintuża bħala bar insteraq minn fuq il-post.