Kollox jinsab lest biex l-Erbgħa fit-3pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, tintlagħab il-finali tas-Super Cup 2017 bejn iċ-champions Hibernians u r-rebbieħa tal-FA Trophy, Floriana.
L-aħħar dettalji qabel din il-finali ngħataw ilbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet. Preżenti kien hemm il-plejer-coach ta’ Floriana Nicolas Chiesa u l-plejer tal-Greens Steve Pisani, kif ukoll il-kowċ ta’ Hibs Mark Miller u l-captain tat-tim Clayton Failla.
Ta’ min jiftakar li Chiesa qed imexxi lil Floriana wara li ftit ġimgħat ilu Giovanni Tedesco rriżenja mill-kariga wara żewġ telfiet konsekuttivi, kontra Valletta fil-kampjonat u kontra Naxxar fl-FA Trophy.
Fi tmiem il-ġimgħa Floriana rritornaw għar-rebħ hekk kif umiljaw lil Lija u rebħulhom 6-0. Minn naħa tagħhom Hibs tilfu fl-aħħar kontra Balzan.
Kien il-kowċ Mark Miller li beda billi saħaq li li l-fatt li se jkunu qed jilagħu din il-partita f’dan iż-żmien tal-Milied u f’nofs il-ġimgħa ikun qed iżomm lill-plejers ikkonċentrati ukoll waqt dan il-perjodu festiv tas-sena.
Hu kompla li meta tkun għadek kemm tlift partita fi tmiem il-ġimgħa, din il-finali se tkun qed tinstiga lill-plejers tiegħu biex iwettqu reazzjoni u jirbħu t-trofew.
Miller saħaq li l-moral fil-kamp Pawlist bħalissa hu wieħed baxx wara t-telfa kontra Balzan, madankollu ddeskriva l-wirja kontra l-liders tal-kampjonat bħala waħda ferm sodisfaċenti u li tawgura tajjeb ferm għal din il-finali.
Miller qal li waħda mill-problemi tat-tim hi li ma tantx qed jiġu skurjati gowls. Qed jinħass ferm l-attakkant Brażiljan Jorginho fejn hu tenna li jittama li f’Jannar li ġej jakkwistaw attakkant tal-istess livell ta’ dan il-plejer biex isolvu l-problema ta’ nuqqas ta’ gowls.
Il-plejer-coach ta’ Floriana Nicolas Chiesa, li għalih din il-finali se tkun biss it-tieni partita tiegħu fit-tmexxija tal-Greens, qal li din hi finali importanti ferm kemm għal Floriana kif ukoll għalih personali.
Chiesa qal li jħoss li t-team tiegħu irkupra sew kemm mentalment kif ukoll fiżikament, wara żewġ disfatti li sofrew kontra Valletta u Naxxar.
Fil-kummenti li ta Chiesa kompla billi qal li għall-kuntrarju ta’ Hibs, ir-rebħa kbira ta’ 6-0 kontra Lija Athletic għolliet ferm il-moral qabel din il-finali u ddeskriva l-ambjent fid-dressing room ta’ Floriana bħala wieħed mill-isbaħ.
Chiesa żvela li Floriana se jkollhom lil lgnacio Varela nieqes minħabba injury wara li weġġa’ kontra Lija. Jidher li Varela se jitlef il-kumplament tal-istaġun b’din l-injury serja.
Chiesa kkonkluda billi qal li l-Greens għandhom għatx kbir għal din it-tazza speċjalment għax rebħuha darba biss fl-istorja glorjuża tagħhom u jinsab ċert li wara l-preparazzjoni intensiva li qed jagħmlu għal din il-finali, kapaċi joħorġu bl-unuri kollha fi tmiem il-partita.
Intant, tkellmu wkoll iż-żewġ captains Clayton Failla u Steve Pisani f’isem Hibernians u Floriana rispettivament, fejn fost oħrajn, it-tnejn appellaw liż-żewġ settijiet ta’ partitarji biex jattendu bi ħġarhom.
//= $special ?>