Francis Zammit Dimech jitlob aktar appoġġ lill-produtturi lokali
Produtturi ġenwini mill-gżira Għawdxija jiffurmaw parti integrali mill-fattur pożittiv li Għawdex għandu x’joffri u jixirqilhom aktar sapport. Il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech qal dan waqt diskussjoni mal-produtturi mill-gżira Għawdxija u rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA), il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) u NGOs fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Hu qal li minn meta ġie elett fil-Parlament Ewropew, qed jagħmel serje ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ stakeholders biex jifhem l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom u biex jirrifletti dan fix-xogħol tiegħu fil-Parlament Ewropew. Enfasizza li jrid ikun il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropew. Filwaqt li rrefera għad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa, hu qal li danwn iridu jsiru fil-kuntest tas-sentimenti nazzjonali u reġjonali. Zammit Dimech enfasizza wkoll fuq il-prinċipju Ewropew tas-sussidjarjetà u l-ħtieġa li l-affarijiet reġjonali jiġu deċiżi f’Għawdex.
Paul Scicluna mill-GTA spjega li filwaqt li l-qasam tat-turiżmu għandu rwol ekonomiku importanti għall-ekonomija tal-gżira, teżisti ftit informazzjoni u statistika speċifikament dwar it-turiżmu f’Għawdex. Tenna li l-istaġjonalità f’Għawdex għadha notevoli u għalhekk l-assoċjazzjoni qed tipproponi miżuri, bħal tibdil fir-rati tal-VAT fix-xhur xitwin biex tgħeleb din l-isfida. Filwaqt li uża r-regolamenti fuq akkomodazzjonijiet ‘self-catering’ bħala eżempju, Scicluna qal li approċċ ta’ daqs wieħed għal kollox huwa inġust fuq il-gżira meta tiħu l-kuntest tal-isfidi tagħha. Michael Galea mill-GBC tkellem dwar numru ta’ fatturi soċjo-ekonomiċi li għandhom impatt fuq in-negozju f’Għawdex fosthom il-popolazzjoni li qed tikber fl-età minħabba l-fatt li ż-żgħażagħ mhumiex qed joqogħdu jew jirritornaw f’Għawdex wara l-istudji tagħhom. Huwa rrimarka li hemm bżonn ta’ aktar investiment fit-trasport u l-konnettività.
Huwa tkellem ukoll dwar il-proposta tal-Kamra għar-rati ta’ VAT speċjali li japplikaw f’Għawdex biex jinċentivaw l-investiment f’Għawdex u jgħinu biex inaqqsu l-isfidi ffaċċjati. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll Martin Bugelli mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana li tkellem dwar il-politika ta’ koeżjoni b’referenza partikolari għall-politika reġjonali li minnha joħorġu fondi għall-programmi operattivi għar-Reġjuni Ewropej. Bugelli spjega n-“Nomenklatura ta’ Unitajiet Territorjali għal Statistiċi”, bl-Ingliż NUTS li taqsam il-pajjiżi u reġjuni f’livelli ta’ NUTS I (nazzjonali), NUTS II (reġjonali) u NUTS III (provinċja). Id-diskussjoni kompliet fuq il-karatteristiċi partikolari tal-gżira Għawdxija.
Zammit Dimech organizza wkoll laqgħa għall-produtturi Għawdxin mal-Uffiċċju tal-Investiment u l-Esportazzjoni ta’ Brussell grazzi għas-sapport tal-Malta Business Bureau fi Brussell biex ifittxu mezzi u opportunitajiet ta’ kif jestendu aktar in-negozju tagħhom barra minn Malta.
Matul din il-ġimgħa Zammit Dimech ospita wkoll wirja fotografika li turi l-kultura, l-istil tal-ħajja u l-ambjent Għawdxi fil-Parlament Ewropew fejn ħadu sehem tmien fotografi mill-Għaqda tal-Fotografija Għawdxija. Matul il-wirja, il-mistednin kellhom l-opportunità li jduqu diversi prodotti Għawdxin, grazzi għall-appoġġ ta’ Ta’ Mena, Savina Creations – Magro Brothers u Tal-Massar Winery. Il-Grupp Duo ta ‘Astra Folk Group’ sebbaħ l-atmosfera bil-mużika tradizzjonali.
//= $special ?>