Lokali Saħħa

Id-droga Flakka se ssir illegali mill-ġimgħa ddieħla

Il-Flakka, flimkien ma' żewġ sustanzi sintetiċi oħra, se jsiru illegali f'Malta

Numru ta’ droga sintetika mill-ġimgħa ddieħla se jsiru illegali, u fosthom hemm il-Flakka (alpha PVP) – waħda mill-aħħar drogi li daħlet f’Malta u li tħalli effetti serji fuq il-bniedem tant li hi magħrufa bħala ‘Zombie Drug’.

Il-liġi l-ġdida se tipprova tindirizza l-użu tad-droga li tiġi f’forma ta’ kristalli – li skont numru ta’ esperti, jidher li din it-tip ta’ droga rat żieda fenomenali fit-teħid tagħha f’dawn l-aħħar snin.

S’issa l-użu tad-droga flakka ma kienx irregolat taħt il-liġi.

Id-droga flakka tkun qisha żrar abjad, u hija meqjusa bħala droga li għandha l-potenzjal li tkun ferm aktar perikoluża minn drogi oħra, fosthom mill-kokaina. Waħda mill-problemi ewlenin ta’ din id-droga hi l-prezz irħis li tinbigħ ikkumparata ma’ drogi oħra – hekk kif nofs gramma tinxtara għal €10 f’Malta.

Il-flakka tnissel f’min joħodha delirju kbir akkumpanjat minn imġieba ewforika u vjolenti. Wieħed mill-effetti tagħha hija li tagħti lil min joħodha saħħa barranija, u anke tibda tara affarijiet fittizji. Filfatt, fix-xhur li għaddew, feġġew numru ta’ stejjer fil-media internazzjonali u filmati ta’ persuni li ħadu din id-droga u li l-imġieba tagħhom qanqlet kurżità kbira minħabba l-mod kif jibdew iġibu ruħhom.

L-Avviż Legali li se joħroġ il-ġimgħa ddieħla, se jagħmel illlegali wkoll żewġ sustanzi oħra – l-methoxetamine u l-4,4-DMAR.

Dawn id-droga jaffettwaw diversi partijiet tal-ġisem, iżda partikolarment lill-moħħ u l-ħsara tista’ tkun permamenti.