Il-borra li nieżla bħalissa fl-Ewropa qed toħloq problemi għat-trasport f’pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Belġju, Franza l-Olanda u l-Ġermanja, minbarra tipi oħra ta’ inkonvenjent.
L-ajruport ta’ Schiphol, fl-Olanda u l-ajruport ta’ Brussell, fil-Belġju kellhom iħassru jew jitfgħu lura numru kbir ta’ titjiriet, bin-nies li kellhom jaqbdu l-ajruplani jkunu avżati biex jaraw il-bullettini aġġornati minflok jivvjaġġaw lejn l-ajruporti fost il-maltemp perikoluż.
Fil-Ġermanja, l-inżul tal-borra bla rażan ikkaġuna diversi inċidenti fit-toroq, bit-traffiku jibqa’ wieqaf għat-tul taż-żmien f’diversi bnadi tal-pajjiż. Minħabba l-elementi kien hemm ukoll dawmien fl-iskeda għall-ferroviji fil-pajjiż.
Ħarġet ukoll il-konferma li aktar minn 300 titjira kienu tħassru, nhar il-Ħadd, mill-ajruport ta’ Frankfurt li hu l-aktar ajruport attiv fil-Ġermanja.
L-aħħar rapporti qalu wkoll li, fi Franza, talanqas 32 reġjun tpoġġew fuq ‘livell ta’ emerġenza’ waqt li z-zoni maġenb il-kosta spiċċaw assedjati mill-maltemp bil-borra.
Minħabba l-maltemp inqata’ d-dawl għal eluf ta’ djar fil-provinċji Franċiżi, b’madwar 80,000 residenza jispiċċaw mingħajr provvista fl-inħawi tal-Wied ta’ Loire.
Il-maltempati bil-borra nfirxu wkoll lejn l-Italja, fejn ħolqu ammont ta’ kaos għall-mezzi tal-ivvjaġġar fir-reġjuni tat-Tramuntana.
Il-borra kkaġunat, fost oħrajn, l-għeluq tal-iskejjel f’Liguria, Piedmonte u Toscana.
Dan waqt li s-servizzi bil-vapurett lejn il-gżejjer ‘il hinn minn Napli spiċċaw sospiżi minħabba l-irwiefen qawwija kontinwi.
//= $special ?>

