Lokali

Il-Ħamis li ġej tibda titressaq l-evidenza kontra Il-Fulu, Iċ-Ċiniż, u Il-Koħħu

Nhar il-Ħamis li ġej mistennija li jidhru quddiem il-Qorti t-tliet imputati b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Ftit wara li NET News żvela l-aħbar, il-Pulizija kkonfermat li nhar il-Ħamis li ġej fid-9am se tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan ifisser li t-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista f’karozza bomba nhar is-16 ta’ Ottubru – George Degiorgio magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż’ , Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’, u Vincent Muscat magħruf bħala ‘Il-Koħħu’ – se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti għat-tieni darba wara li huma wieġbu mhux ħatja.

Dakinhar deher l-avukat tal-għajnuna legali Benjamin Valencia għat-tliet irġiel, filwaqt li għan-nom tal-prosekuzzjoni dehru l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, filwaqt li parte ċivili dehru l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia. Fl-awla kien hemm preżenti wkoll ir-raġel tal-ġurnalista maqtula, Peter Caruana Galizia.

F’din is-seduta fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-Pulizija mistennija li tippreżenta evidenza kontra t-tliet imputati – fejn skont l-aħħar aħbarijiet fil-media jidher li hemm evidenza dwar il-mod kif ħadet il-bomba bl-użu ta’ messaġġ, u kif ukoll provi dwar il-materjal susplussiv li qatel lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fiflatt, dan ġie rrappurtat mill-ġurnal Taljan La Repubblica. Sorsi li allegatament kellhom aċċess għall-investigazzjoni tal-Pulizija żvelaw mar-Repubblica li waqt li ċ-Ċiniż kien qiegħed f’nofs ta’ baħar abbord il-cabin cruiser, huwa bagħat lil martu sms bl-Ingliż, “Open a bottle of wine for me, baby”. Ir-rapport jiddeskrivi dan bħala żball min-naħa tal-awturi ta’ din it-traġedja, fejn madanakollu għadu ma sarx magħruf min huma l-imħuħ wara dan l-assassinju brutali.

Alfred Degiorgio, George Degiorgio, u Vincent Muscat ġew arrestati wara operazzjoni konġunta bejn il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija, u s-Servizzi Sigrieti – fejn ġew arrestati b’kollox għaxar min-nies b’rabta mal-qtil, iżda madanakollu tressqu biss dawn it-tliet irġiel imsemmija.

Esperti forensiċi fuq il-post tal-qtil

Intant fil-jiem li għaddew, il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ngħataw parir legali minn avukati internazzjonali, li fl-investigazzjoni fil-qtil, permezz ta’ karozza bomba, kien hemm ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Fil-parir legali tagħhom, l-avukati qalu li Malta qed tikser l-obbligi tagħha lejn il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn appellaw għall-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet – partikolarment dik li jitneħħa mill-kariga tiegħu d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta hekk kif mhux kapaċi jinvestiga b’mod indipendenti u imparzjali hekk kif il-mara tiegħu u anke hu kienu s-suġġett ta’ numru ta’ artikli mill-ġurnalista maqtula. Ġie msemmi wkoll kif l-awtoritajiet naqsu milli jinfurmaw lill-familja dwar żviluppi fl-investigazzjoni, sal-massimu li jistgħu jiżvelaw sabiex jipproteġu l-interessi tal-familja.