Lokali

Il-poplu Malti ħallas biex Michelle Muscat issiefer lejn il-Bahamas

Il-mara tal-Prim Ministru u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold issiefer lejn il-Bahamas biex tirċievi premju

Il-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat marret il-Bahamas biex tirċievi premju fil-filantropija, bil-poplu Malti u Għawdxi jħallas l-ispejjeż tas-safra – f’dik li ġiet deskritta bħala ‘mawra privata’ minn kelliem għall-Gvern.

The Times of Malta żvelat li kelliem għall-Prim Ministru qal li l-Gvern ħallas €2,550 biex Michelle Muscat marret għaċ-ċerimonja fil-kapitali tal-Bahamas. Ir-raġuni li ngħatat minn naħa tal-Gvern dwar għalfejn kien il-poplu Malti li ħallas għal dan il-vjaġġ, il-kelliem għall-Gvern qal li t-titjira ta’ din il-‘mawra privata’ biss tħallset mill-fond pubbliku, għax hi l-mara tal-Prim Ministru.

Minkejja li Michelle Muscat ma tokkupa l-ebda kariga fil-Gvern, il-premju li ntrebaħ fil-Bahamas ġie kkomunikat mill-Uffiċju tal-Prim Ministru. Dwar dan, il-kelliem għall-Gvern qal li din l-istqarrija ħarġet b’mod uffiċjali mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, għax Michelle Muscat hi l-mara tal-Prim Ministru.