Jiem wara li rebaħ il-Ballun tad-Deheb għall-ħames darba fil-karriera tiegħu l-plejer ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo stqarr bla tlaqliq li jemmen li hu l-aqwa plejer fl-istorja tal-futbol.
Nhar il-Ħamis li għadda Ronaldo rebaħ il-Ballon d’Or għall-ħames darba fil-karriera tiegħu biex b’hekk laħaq lil Lionel Messi li wkoll rebaħ dan l-unur ħames darbiet. Din il-kompetizzjoni hi organizzata mill-magazine sportiv Franċiż France Football.
Fis-serata finali Ronaldo kien qed jikkompeti ma’ Lionel Messi u l-Brażiljan Neymar, eksplejer ta’ Barcelona li fis-sajf li għadda ngħaqad ma’ PSG għal somma rekord ta’ 222 miljun ewro.
“Jien l-aqwa plejer fl-istorja tal-futbol. Ma nara lil ħadd aħjar minni u l-ebda plejer ma kiseb dak li ksibt jien. Għamilt ħafna affarijiet li ħadd qatt ma għamel,” qal Ronaldo.
Matul l-2017 Ronaldo rebaħ il-kampjonat Spanjol, il-UEFA Super Cup, is-Super Cup Spanjola, ċ-Champions League u nhar is-Sibt li ġej jista’ jirbaħ it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs għat-tieni sena konsekuttiva. Dan dejjem jekk Real Madrid jirbħu ż-żewġ konfronti li għandhom f’din il-kompetizzjoni.
Ronaldo rebaħ l-erba’ Blalen tad-Deheb fl-2013, fl-2014 u fl-2016, kif ukoll fl-2008 meta kien għadu plejer ta’ Manchester United. Lionel Messi minn naħa tiegħu rebaħ dan l-unur għal erba’ snin konsekuttivi bejn is-sena 2009 u s-sena 2012, u rebaħ il-ħames Ballun tad-Deheb fis-sena 2015. Cristiano Ronaldo hu wkoll l-aqwa skorer fl-istorja taċ-Champions League fejn s’issa skorja 115-il gowl.
L-Erbgħa li għadda Ronaldo waqqaf rekord ieħor fl-istorja taċ-Champions League meta bil-gowl li skurja kontra Borussia Dortmund sar l-ewwel plejer li skurja fil-logħbiet kollha tal-grupp. Ronaldo kompla billi qal li jixtieq itemm il-karriera tiegħu ma’ Real Madrid, anke jekk matul l-aħħar xhur kien hemm spekulazzjonijiet li hu rrifjuta kuntratt mingħand iċ-champions Ewropej.
Rigward dan l-unur li rebaħ Ronaldo kkuemnta wkoll il-kowċ ta’ Real Madrid Zidane u dan qabel mal-plejer Portugiż u qal li hu l-aqwa plejer li qatt kien hawn.
“M’hemmx aġġettivi x’wieħed jista’ juża għal dan il-plejer. Kwalunkwe plejer jista’ jdum ma’ dan il-klabb 15 jew 20 sena u xorta waħda ma jagħmilx dak li għamel Ronaldo f’dawn is-snin li ilu magħna.”
//= $special ?>