Lokali Parlament

L-ammont ta’ 2,000 pillola ecstasy hu qawwi – kien l-akkużat li tawwal il-proċeduri fil-qorti

Minn tweġiba li ta l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici llejla fil-parlament jirriżulta li l-ammont ta’ traffikar ta’ 2,000 pillola ecstasy hu kkunsidrat bħala ammont kbir ħafna u li kien l-akkużat William Agius li tawwal il-proċess fil-qorti billi għamel diversi proċeduri legali qabel seta’ jibda l-ġuri.

Il-Ministru Bonnici qal li l-parlament qaleb il-paġna fl-2015 biex issa l-liġi l-ġdida qed tispeċifika ċirkostanzi paritkolari li jwasslu persuna biex taqa’ fil-vizzju u li bl-istess mod persuna jkollu t-tieni ċans. Hu semma’ l-każ ta’ Tanti li ngħata t-tieni ċans u hemm 20 każ ieħor li se jkollhom l-istess deċiżjoni.

Din kienet liġi li mmarkat bidla fil-ħsieb. Dan il-każ ma jaqax taħt il-liġi għaliex fil-każ ta’ William Agius kien hemm l-ammont qawwi ta’ traffikar ta’ 2,000 pillol ecstasy. Din kienet waħda mill-ikbar qabdiet dak iż-żmien iżda Agius rnexxielu joħroġ mill-vizzju.

Il-Ministru Bonnici qal li f’dan il-każ ma tapplikax il-liġi l-ġdida iżda hemm liġi li biha l-qorti tapplika l-minimu tal-pieni tal-qrati tal-Maġistrati. Dawn il-każi ta’ traffikar ta’ 2,000 pillola jġib sentenza ta’ bejn id-9 snin u t-12-il sena iżda l-Maġistrat ta sentenza sensibbli li hi l-inqas piena għall-ammoniti kbar bħal dawn.

Il-Ministru Bonnici qal li l-qorti fehmett li l-vittmi tad-droga jkunu trattati differenti. Dwar iż-żmien ta’ 14-il sena biex l-akkużat jingħata sentenza finali, il-Ministru Bonnici qal li l-att tal-akkuża ħareġ fl-2010 iżda l-akkużat Agius kien għamel rikors fuq punt preliminari u anki kawża kostituzzjonali biex wara beda l-ġuri. Il-każ seta’ beda fl-2010 iżda kien Agius li għamel proċeduri oħra.

Il-Ministru tal-Ġustizzja espriema sodisfazzjon li l-qrati jifhmu l-messaġġ tal-parlament.