Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, għamel żjara sorpriża fis-Sirja fejn ħabbar li għandu jsir irtirar parzjali tat-truppi Russi minn dan il-pajjiż Għarbi.
Mal-wasla tiegħu fil-bażi tal-ajru Russa ta’ Hmeimim, qrib Latakia, Putin ingħata merħba mill-President Sirjan Bashar al-Assad u wara żvela li kien ta direttivi lill-Ministru tad-Difiża u lill-Kap tal-istaff ġenerali militari tar-Russja biex jibdew jirtiraw lis-suldati lejn il-bażijiet permanenti tagħhom. Fl-2016, Putin kien ħareġ b’aħbar simili dwar irtirar iżda l-missjonijiet militari tar-Russi kienu komplew xorta waħda fis-Sirja.
L-appoġġ militari tar-Russja fl-aħħar xhur għen biex il-qawwiet tal-Gvern ta’ Assad jieħdu vantaġġ ċar fuq ir-ribelli fil-gwerra ċivili tas-Sirja.
L-aħħar dikjarazzjoni ta’ Putin, intant, tfisser li parti sinifikanti tal-kontinġent tat-truppi Russi fis-Sirja se tirritorna pajjiżha. Putin kompla li ‘f’każ li t-terroristi (fis-Sirja) jerġgħu jgħollu rashom, ir-Russja għandha tattakkahom b’qilla li ma dehret qatt bħalha’.
Il-President Putin, aktar tard, telaq mis-Sirja lejn l-Eġittu għal taħditiet mal-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi. Il-programm tiegħu kien jinkludi wkoll sensiela ta’ taħditiet fit-Turkija.
//= $special ?>

