Lokali

“Mhux biżżejjed li jkollok il-liġijiet, imma jrid ikollok is-saħħa u l-kuraġġ li tapplikahom” – Antonio di Pietro

Indirizza dimostrazzjoni fil-Belt Valletta. Għandu 67 sena, u huwa l-fundatur tal-partit Italia Dei Valori. Għal bosta snin, serva bħala Membru tal-Parlament Taljan u tal-Parlament Ewropew, u kien ukoll Ministru fil-Gvernijiet ta’ Romano Prodi. Iżda, baqa’ magħruf l-aktar għall-ħidma tiegħu bħala Maġistrat fl-inkjesta tal-Mani Pulite, li heżżet il-politika korrotta Taljana fil-bidu tas-snin 90. il-mument ppubblikat l-intervista li saret lil Antonio di Pietro mill-preżentatur u ġurnalist Norman Vella.

In-nuqqasijiet fil-ġustizzja, il-korruzzjoni u l-omiċidji jeżistu u jiġru madwar id-dinja kollha, inkluż f’pajjiżek. Għaliex għażilt li tiġi Malta tindirizza dimostrazzjoni?
Wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ridt nifhem, bħala ċittadin Ewropew, għaliex f’Malta, ġurnalista, li kienet qed tipprova tifhem x’ma kienx qed jiffunzjona f’pajjiżha, inqatlet. Ridt nifhem għaliex inqatlet b’dak il-mod daqstant vjolenti.
L-isplużjoni li qatlet lil Daphne fakkritni ħafna fl-isplussiv li tpoġġa u sploda fil-karozzi u fid-djar ta’ maġistrati u ġurnalisti f’pajjiżi. Dan l-assassinju jixbah wisq lil dak li rajt jiġri fl-Italja matul is-snin. Ħassejtni qed nerġa’ ngħix it-traġedji li għaddew minnhom bosta familji Taljani.

Dawn it-traġedji, int għexthom mill-qrib. 25 sena ilu, waqt li int kont wieħed mill-maġistrati ewlenin tal-inkjesta tal-Mani Pulite, il-Mafja qatlet lill-Maġistrati Falcone u Borsellino.
Il-Mafja kienet iddeċidiet li toqtol lili wkoll. Għall-grazzja t’Alla, illum għadni hawn. Dan ifisser, li fil-każ tiegħi, l-istituzzjonijiet għarfu jirreaġixxu fil-ħin.
Meta xi ħadd, bħal Daphne, jinqatel, diffiċli temmen li l-assassini jkunu kriminali komuni. Huwa evidenti li Daphne nqatlet għax messet ma’ poteri kbar li ddeċidew li jeħilsu minnha. Forsi wżaw kriminali tal-ħabbagozz biex jeliminawha, iżda l-imħuħ wara delitt bħal dak bilfors li huma ikbar minn hekk! Bilfors hemm xi organizzazzjoni li riedet tagħlaq ħalq din il-persuna, li riedet biss tgħid lil niesha kif inhuma tassew l-affarijiet f’pajjiżha!

Fl-esperjenza tiegħek, organizzazzjonijiet kriminali li jagħmlu atti bħal dawn fid-dawl tax-xemx, jistgħu joperaw f’pajjiżi fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu, fejn il-liġi hi l-istess għal kulħadd, fejn m’hemmx korruzzjoni u fejn m’hemmx kompliċità politika?
Fuq liema pajjiż qed titkellem? Fuq xi pajjiż li ssibu fl-isħab? Ibda biex, irridu niddistingwu bejn l-id militari ta’ din il-kriminalità u dawk li jgawdu minnha, dawk li jqabbdu lil min jagħmel dawn l-atti.
M’hemmx dubju li f’kull pajjiż, dawn l-affarijiet huma illegali. Allura l-problema mhix jekk hemmx liġi jew le, imma jekk din il-liġi hix qed tkun applikata ma’ kulħadd u bl-istess mod.
F’pajjiżi, bl-inkjesta tal-Mani Pulite, skoprejna li, sa dakinhar, il-liġijiet li suppost jikkastigaw ir-reati ta’ korruzzjoni u r-reati mafjużi kienu hemm, iżda ma kinux qed jitħaddmu fil-konfront ta’ kulħadd.
Kien dan il-messaġġ li ridt inwassal fid-dimostrazzjoni ta’ Malta! Mhux biżżejjed li jkollok il-liġijiet, imma jrid ikollok ukoll is-saħħa u l-kuraġġ li tapplikahom. U s-saħħa u l-kuraġġ tal-liġi jinsabu f’li jkunu l-istess għal kulħadd, u mhux jgħoddu biss għal sezzjoni tal-poplu.

Dis-sena qed infakkru l-25 anniversarju tal-inkjesta tal-Mani Pulite. Int u l-maġistrati l-oħra investigajtu bosta politiċi, u r-riżultat kien li wħud mill-ikbar partit fl-Italja spiċċaw fix-xejn.
Iva, il-konsegwenzi kienu dawk. Iżda aħna ma ħadnihiex kontra l-partiti. F’kull partit se ssib nies tajbin u nies ħżiena. Se ssib politiċi li jinqatlu għax jagħmlu dmirhom, u politiċi li jużaw il-poter għall-vantaġġ personali tagħhom.
Huma n-nies li jagħmlu l-korruzzjoni u l-ħażin, mhux il-partiti!
Nikkwota lill-kollega tiegħi fil-Mani Pulite, il-Maġistrat Piercamillo Davigo. Meta darba akkużawh li kien kisser il-partiti, qalilhom, ‘Jien qatt ma interessajt ruħi fil-politika. Interessajt ruħi f’politiċi li serqu. Ma investigajthomx għax kienu politiċi, iżda għax kienu ħallelin.’

Int ġejt Malta l-għada li telqet delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, li kienet qed tinvestiga s-saltna tad-dritt. Din id-delegazzjoni mmexxija minn MEP Soċjalista semmiet ambjent ta’ impunità, u stqarret li telqet minn Malta iktar inkwetata minn kemm kienet meta waslet.
Naf ukoll li ġiet il-Kummissjoni Parlamentari Taljana tal-Anti-Mafja, immexxija mill-Onorevoli Rosi Bindi. L-Onorevoli Bindi, bħali, kienet impressjonata bil-mod kif inqatlet Daphne. Daphne nqatlet b’mod mafjuż, b’metodu li sistematikament jintuża mill-Mafja.
L-aktar li jinkwetana huwa: min huma dawk li għandhom il-poter jordnaw att bħal dan. Huwa tassew inkwetanti li eżekuzzjoni bħal din tiġri f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Jien, li għaddejt minn esperjenzi simili kemm bħala Parlamentari, kif ukoll bħala Maġistrat, inħeġġiġkom ma tagħmlux l-iżball li ma tagħtux importanza biżżejjed lit-tfittxija għall-verità.
Forsi llum il-folla ta’ nies fil-pjazez tidher żgħira meta mqabbla mal-maġġoranza tal-poplu. Fl-Italja wkoll ġara li kien hemm minoranza żgħira li indunat li kien hemm xi ħaġa ħażina. Tant kienet żgħira, li min kien fil-poter ma kienx jistmaha.
Iżda iktar ma l-inkjesta tal-Mani Pulite bdiet issib korruzzjoni, tixħim u rabtiet ta’ politiċi mal-Mafja, iktar din ix-xmara żgħira ta’ nies bdiet tikber, sakemm eventwalment faret. Ir-reazzjoni tal-poplu, imbagħad, tant kienet qawwija, li nħolqot mibegħda lejn il-politika. Iżda pajjiż li m’għandux politika, ma jistax ikollu s-saltna tad-dritt u d-demokrazija.
Għalhekk, nappellalkom tibqgħu viġilanti. Taħsbux li għada jew pitgħada ħadd mhu se jibqa’ jitkellem dwar dawn l-istejjer. Għad tista’ tqum protesta soċjali li tkun kapaċi twaqqa’ s-sistemi ħżiena tal-politika u tal-poter. Għad tistgħu ssiru tafu affarijiet li llum ma timmaġinawx li jeżistu f’pajjiżkom.

Sitt xhur ilu, f’Malta saret elezzjoni u l-partit fil-Gvern, inkluż dawk involuti fl-iskandli ta’ korruzzjoni u dawk imsemmija fil-Panama Papers, kienu kkonfermati fil-poter b’maġġoranza kbira. X’jgħidlek dan?
Ma naqbilx ma’ min jgħid li poplu li jivvota lill-korrotti huwa poplu korrott. Ikun żball jekk nikkriminalizzaw lil min imur jivvota. Meta jkun hemm reat, m’għandniex nistennew li jkun il-poplu li jirreaġixxi, imma għandha tirreaġixxi s-sistema tal-ġustizzja, min għandu d-dmir jinvestiga u jipprosekwixxi, min għandu d-dmir jiżgura li l-liġi tkun rispettata.
Fl-Italja, qabel l-inkjesta tal-Mani Pulite, kien hemm ħafna nies onesti li b’ġenwinità, kienu jivvutaw lill-politiċi korrotti. Investigatur m’għandu qatt jirraġuna li m’għandux jinvestiga lill-politiċi għaliex il-poplu vvotalhom, għax il-poplu ma jafx, u biex ikun jaf irid ikun hemm investigazzjoni.
Is-saltna tad-dritt teżisti biss jekk il-liġi tkun applikata fil-konfront ta’ kulħadd bl-istess mod, indipendentement mir-rieda tal-maġġoranza. Il-ġustizzja ma ssirx skont ir-rieda tal-maġġoranza. Dik ma tkunx ġustizzja. Dak ikun stat li jimxi bl-istint, bil-qalb, mingħajr ma jkun jaf kif tassew huma l-fatti. Dak ma jkunx stat demokratiku.

Jiġifieri l-elezzjonijiet ma jibdlu xejn?
L-imħallef ma jiġġudikax skont ir-riżultat tal-elezzjoni, iżda skont il-provi li jkollu f’idejh. Fl-Italja. il-partit Democrazia Cristiana kellu l-ikbar appoġġ popolari, tant li tul l-Ewwel Repubblika, spiss kiseb biżżejjed voti biex iggverna waħdu.
Anke l-għażiż missieri kien jivvota lid-Democrazia Cristiana! Iżda dan ma żammnix milli naqdi dmiri. Meta rajt li fi ħdan dan il-partit kienu qed jagħmlu reati kriminali, arrestajthom xorta waħda.

Min f’Malta qed jesponi u jitkellem dwar dawn l-istejjer ta’ korruzzjoni, ankè fuq livell Ewropew, qed ikun akkużat mill-Gvern u mis-sezzjoni tal-poplu li tappoġġjah li huwa traditur ta’ pajjiżu. X’taħseb dwar dan?
Dan hu l-ikbar żball li jista’ jsir f’demokrazija. Jiżbalja min jipprova jbellagħha lill-poplu li l-pajjiż qed jitlef il-kredibiltà, minħabba li jkun hemm min jitkellem dwar il-ħażin li qed jiġri fih. Pajjiż ikun kredibbli, barra mit-territorju tiegħu, skont kif iġib ruħu min qed jiggvernah u min qed imexxi l-istituzzjonijiet.
Lilna, li fl-Italja investigajna nies li kienu fil-politika, ukoll akkużawna li qed innaqqsu l-kredibiltà tal-pajjiż. Iżda lill-pajjiżi kien naqqsulu l-kredibiltà mhux il-maġistrati li investigaw, iżda l-politiċi kriminali li wettqu r-reati.”

Wara dawk is-snin li matulhom saħansitra ssograjt ħajtek biex tara li ssir ġustizzja, kien hemm sezzjoni tal-poplu Taljan li bdiet titkellem kontra l-Mani Pulite u kontra tiegħek. Kif kont tħossok meta kont tisma’ dan id-diskors?
Il-maġistrat iwieġeb biss għal-liġi. L-importanti mhux jekk in-nies hux qed titkellem tajjeb jew ħażin fuqek. L-importanti li tapplika l-liġi, u li tapplikaha għal kulħadd bl-istess mod.
Iċ-ċittadini jiddeċiedu u jitkellmu skont l-informazzjoni li taslilhom. Il-poplu jiddependi fuq dak li jgħidulu l-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir. Huwa fuq dik l-informazzjoni li l-poplu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu. Min jgħawweġ l-aħbarijiet ikun qed jikkonvinċi lill-poplu b’realtà għalkollox differenti minn dik li hija l-verità tal-fatti.

Hawn Malta konna infurmati mill-midja b’dak li kien qed jiġri, inkluż minn Daphne…
Jien konvint li hawn Malta, intom, se tinsew lil Daphne qabel tinsieha l-komunità internazzjonali. Ħadt l-impressjoni li qed tippruvaw tpoġġu din l-istorja traġika fil-ġenb.

Minn fejn ħadtha din l-impressjoni?
Mis-sistema ta’ informazzjoni li qed tipprova tpinġi dan id-delitt bħala wieħed li seta’ ġara għal kull raġuni immaġinabbli, għax hi kienet tikteb fuq kollox.
Jien dħalt ftit fil-blogg ta’ Daphne, u kkonfermajt li vera kienet tikteb fuq kollox u fuq kulħadd. Vera ma kienet tħares lejn wiċċ ħadd, u huwa minnu li kienet tikteb fuq diversi temi.
Iżda min ordna dan il-qtil ma kienx irrabjat għax kitbet fuq fejn, u kif jiekol l-ispaghetti. Din kienet eżekuzzjoni li l-uniku skop tagħha kien li jissikket xi ħadd li kien qed jipprova jniggeż u jqajjem il-kuxjenza ta’ poplu, li qed jissogra li tmur għajnu bih u jorqod.”

Tista’ tikkonviċi lill-poplu li l-korruzzjoni tagħmillu ħażin meta hu jħossu għaddej tajjeb? Minkejja kollox, hawn Malta l-ekonomija kompliet tikber…
Mhux qed niddubita li l-ekonomija Maltija għaddejja tajjeb.
Lili, f’pajjiżi, kien hemm min attakkani għax għamilt l-inkjesta tal-Mani Pulite. Lill-poplu bdew jgħidulu li ‘konna aħjar meta konna agħar.’ Riedu jbellgħuha li l-poplu kien għaddej aħjar b’dik is-sistema li fiha sibna dik il-korruzzjoni u dawk ir-reati kollha, għax dik kienet sistema li filwaqt li kienet tiekol u titħanżer, kienet ukoll titma’.

Anke l-Mafja tiffunzjona hekk…
Hekk hu. B’din il-loġika qed naċċettaw li nistgħu nieklu lil xulxin. Jekk mingħalik qed tgawdi għax qed tiekol minn sistema korrotta, għada jew pitgħada se ssib min irid jiekol lilek biex igawdi hu.
Huwa bir-rispett tal-liġi minn kulħadd li ma ssir ħsara lil ħadd. Bir-rispett tal-liġi jkun aħjar kulħadd u bl-istess mod. L-idea li jekk tgħix fl-illegalità tgħix tajjeb, m’għandna naċċettawha qatt. Jekk jien nikser il-liġi, inkun qed noħloq inġustizzja miegħek. Għaliex int għandek taċċetta li jien nagħmel inġustizzja miegħek?
Jeżisti r-riskju li nirrassenjaw ruħna, li naċċettaw sistema korrotta għax hekk jew b’hekk se jkollna ngħixu fiha. Veru li jeżisti dan ir-riskju, u huwa għalhekk li għandna bżonn anġli bħal Daphne li jiftħulna għajnejna!

Jista’ jkollok Gvern mingħajr korruzzjoni? Din utopija?
F’kull basket tuffieħ tista’ tinzerta xi tuffieħa mħassra. Il-problema mhix it-tuffieħa mħassra imma r-rieda u s-saħħa li tneħħiha minn ġol-basket, li ma tħallihiex topera fis-sistema. Fis-sistema li aħna laqqamna tangentopoli, il-mudell kif issir il-politika fl-Italja kien sar li jimlew il-basket bit-tuffieħ imħassar!
Meta tistaqsini nistgħux insibu pajjiż ideali fejn ma teżistix korruzzjoni, inwieġbek li le, ma nistgħux. Iżda rridu nibqghu nfittxuh f’kull mument. Jeħtieġ nibqgħu niġġieldu sakemm inneħħu kull tuffieħa ħażina li naraw, qabel dawn iħassru l-kumplament tat-tuffieħ.

Hemm tama?
Hemm bżonn li jkun hemm it-tama. Hemm bżonn li nittamaw.
Però mhux biżżejjed li tittama. Trid tara kif tagħmel biex din it-tama sseħħ. Tistennewx li t-tama tiġi għandkom. It-tama tibnuha intom. Jekk tafu b’xi ħaġa ħażina, b’xi reat, tridu titkellmu. Jekk qegħdin fl-istituzzjonijiet, tridu tfittxu u tindagaw biex tiskopru l-fatti, u mhux toqgħodu tistennew lil xi ħadd iġibhom għandkom.
It-tama mhix ħolma. It-tama jridu jindukrawha dawk kollha li jridu jgħixu fil-legalità. It-tama hija int. Int x’qed tagħmel biex tkompli tittama?”

Dan huwa mument ikrah għal Malta. Kif qed jidher pajjiżna minn barra?
Barra minn Malta qed jistaqsu x’qed jiġri. Qed jistaqsu jekk dan hux każ iżolat, jew jekk dal-pajjiż qabadx it-triq fejn il-kriminalità organizzata ma jkun jista’ għaliha ħadd. Kemm ilni hawn indunajt li l-maġġoranza tal-poplu temmen li dan huwa każ iżolat, iżda hawn ukoll minorità li qed tistaqsi jekk din il-kriminalità daħħlitx denbha fl-istituzzjonijiet.
Jien ma nistax inkun naf kif inhuma eżatt l-affarijiet għax mhux qed ninvestiga. Iżda naf li żgur m’għandkomx tagħlqu għajnejkom. Anzi, għandkom tinsistu iktar li l-istituzzjonijiet immedjatament għandhom jagħtu spjegazzjoni ċara tal-istejjer li qed jiġu diskussi.
Tistennewx li ż-żmien jgħaddi u jnessi! Malta m’għandhiex titlef il-kredibiltà għax taparsi mhix qed tara. F’dan il-mument, dan jista’ jkollu konsegwenzi ekonomiċi, finanzjarji u istituzzjonali li jistgħu jipperikolaw il-futur ta’ wliedkom.

Int iltqajt mal-protagonisti ewelnin tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Dan il-messaġġ wassaltu?
Il-messaġġ wassaltu. Wassaltu lil min qed jiggverna u lil min qed jipprotesta. Bħalissa qed inwasslu lil min qed jaqra din l-intervista.
Ma nippretendi li ngħallem xejn lil ħadd. Jien biss xhud ta’ żminijieti. Qed nitkellem mill-esperjenzi tiegħi. Minn ħaddiem immigrant għal pulizija, għal Maġistrat, għal politiku u Ministru…

Ikollok tmur lura fis-snin, terġa tagħmel dak kollu li għamilt?
Iva, bla dubju. Wara li l-Mafja qatlet lil Paolo Borsellino, fittixt lil oħti għal ftit appoġġ psikoloġiku. Niftakarha tgħidli, ‘Agħmel dmirek u bati l-konsegwenzi!’