Il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, qed jistenna li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jsegwu l-eżempju tal-Istati Uniti u jirrikonoxxu lil Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana. Netanyahu qal dan meta kien fi Brussell għal taħditiet u fejn sar l-ewwel Prim Ministru Iżraeljan li żar il-kapitali Belġjana f’aktar minn 20 sena.
Madankollu, il-kap tal-politika barranija tal-UE, Federica Mogherini qalet li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar Ġerusalemm ‘baqgħet l-istess bħal qabel’. Dan ifisser li l-UE se tkompli tirrikonoxxi ‘il-konsensus ġenerali’ dwar Ġerusalemm.
Ir-rikonoxximent ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael mill-President Amerikan Donald Trump ħalla lill-Istati Uniti iżolata f’issue mill-aktar sensittiva bejn Iżrael u l-Palestinjani. Trump qal ukoll li ħareġ direttivi lid-Dipartiment tal-Istat Amerikan biex jibda t-tħejjijiet għat-trasferiment tal-Ambaxxata Amerikana (f’Iżrael) minn Tel Aviv lejn Ġerusalemm
Intant, Netanyahu, waqt li kien qed jitkellem fi Brussell, mill-ġdid faħħar ‘l-inizjattiva tal-President Trump’ u saħaq li Ġerusalemm ‘ilu l-belt kapitali tal-Lhud għal 3,000 sena’. Hu esprima t-twemmin ‘li l-parti kbira tal-Istati Ewropej se jitrasferixxu l-ambaxxati tagħhom lejn Ġerusalemm, filwaqt li jirrikonoxxu din il-belt bħala l-kapitali Iżraeljana, fost l-ispinta kollettiva lejn is-sigurtà, il-prosperità u l-paċi’.
Min-naħa tagħha, Federica Mogherini qalet li l-UE temmen li l-unika soluzzjoni realistika għall-konflitt tal-Iżraeljani u l-Palestinjani tibbaża fuq żewġ Stati, ‘b’Ġerusalemm bħala l-kapitali tat-tnejn’. Hi, fl-istess ħin, ikkundannat ‘l-attakki kollha li qed isiru fuq il-Lhud madwar id-dinja’.
//= $special ?>


