Lokali Parlament

Prijorità u importanza li r-regoli jkunu osservati dwar l-użu tal-kannabis mediċinali

– Stpehen Spiteri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella biex fl-użu tal-prodotti mediċinali li fihom il-kannabis jkun hemm infurzar tar-regoli stretti.

Fil-parlament llejla Stephen Spiteri qal li dan hu abbozz milqugħ mill-Opożizzjoni għaliex bih se jkun hemm emendi għall-att ta’ dipendenza fuq id-droga fil-kuntest ta’ trattament u mhux priġunerija. Dawn huma emendi għal-liġi u s-saħħa tas-soċjetà tal-pajjiż. L-iskop prinċipali ta’ min qed jitratta pazjent hu li l-ewwel iħares li ma ssirx ħsara qabel jikkunsidra li jagħti mediċina biex ifejjaq.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem kontra l-abbuż u l-użu ħażin ta’ din il-mediċina u sostna li ma nistgħux inkunu laxki li din hi mediċina li tfejjaq kollox għaliex ħafna minn dak li qed isir għandu f’forma ta’ riċerka. L-awtoritajiet ma jistgħux ikunu laxki dwar importanza ta’ prodotti li jintużaw u jkunu ta’ detriment għas-saħħa.

Għalhekk għandu jkun garantit li l-prodotti jkunu ta’ kwalità. Għandu jkun hemm protokoll serju u b’direzzjoni li kulħadd jimxi miegħu dwar min jista’ jippreskrivi l-mediċina u min jista’ jieħu t-trattament. Irid ikun hemm linja gwida ċara u tagħlim dwar kif jintużaw il-mediċina.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandha ssir kampanja ta’ edukazzjoni pubblika. Hawn ħafna pazjenti li ilhom jistennew din il-liġi, sostna Stephen Spiteri, li kompla li kull pazjent fil-bżonn għandu jingħata dan it-trattament. Importanti li f’dan il-kuntest ikunu osservati r-regoli biex ma jkunx hemm abbuż jew użu mhux xieraq tal-mediċini li jinkludu prodotti mediċinali. Għandu jkun assigurat li min ikun qed jikteb dawn il-mediċini jkun imħarreġ u akkreditat biex jagħmel dan.

Stephen Spiteri qal li l-Ministru tas-Saħħa se jkollu l-poteri li jara min se jippreskrivi dawn il-mediċini u trid issir distinzjoni bejn min għandu l-esperjenza u min m’għandux. Għandu jkun hemm fondi allokati biex ikunu analizzati r-riżultati wara li tiddaħħal din il-liġi.

L-Oppożizzjoni taqbel li din il-forma ta’ trattament tkun introdotta fil-pajjiż bbil-kontrolli u l-linja gwida meħtieġa.