Lokali Parlament

Is-soċjetà għandha tkun ħanina mal-persuni li żbaljaw

– Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo appella biex is-soċjetà tkun ħanina mal-persuni li jkunu żbaljaw biex dawn jerġgħu jintegraw lura fiha.

Fl-Aġġornament tal-parlament tal-lejla Ivan Bartolo qal li hemm min se jgħaddi l-Milied waħdu għax hemm min iħossu abbandunat minn kulħadd. Hu qal li hemm min qatt ma ra rigal anzi sab id-diffikultajiet. Dawn ikun persuni li jkollhom diffikultajiet li jkunu jiffaċċjaw problemi soċjali li jwassluhom anki sal-qorti.

Hu qal li jkun hemm anki persuni li jabbużaw lil dawn il-persuni u sostna li dawn huma inġustizzji umani. Ivan Bartolo rringrazzja lill-entitajiet li jgħinu f’dan is-settur fosthom il-Caritas u qal li l-persuni li jkunu żbaljaw m’għandhomx jibqgħu ttimbrati għal għomorhom.

Ivan Bartolo tkellem dwar is-Sezzjoni tal-Imtaħleb li fiha jinżammu żgħażagħ li jkunu offensuri tar-regoli tas-soċjetà u qal lil-parti l-kbira minnhom ġejjin minn ambjenti totalment differenti min-normali tas-soċjetà. Uħud minnhom kibru f’ambjent kiefer.

Il-pajjiż għandu ferm ‘il bogħod mill-persuni li jidħlu f’dawn il-faċilitajiet fosthom il-Ħabs ta’ Kordin u s-Sezzjoni tal-Imtaħleb. Kellhom ikunu l-istituzzjonijiet tal-Knisja li qed jagħtu kontribut kbir f’dawn il-postijiet biex itejbu l-ħajja tal-bnedmin li hemm f’dawn il-postijiet.

Jeħtieġ li s-soċjetà taċċetta lil dawn il-persuni lura fi ħdanha wara li dawn ikunu ħadu l-formazzjoni u t-tagħlim meħtieġ.

Hu semma lil Joe Decelis u sostna li dan għandu l-istess storja ta’ William Agius. Joe Decelis qed jistenna jistenna sentenza li terġa’ ddaħħlu fejn kien fil-Ħabs. Ivan Bartolo qal li Decelis jemmen li għandu jpatti għall-ħażin li għamel billi joħroġ mill-ħabs bniedem ħieles biex jerġa’ jibni ħajtu mill-ġdid.

Ivan Bartolo appella biex ħadd ma jiġġustifika lil ħadd għaliex wara l-uċuħ hemm il-persuni abbandunati u forsi mkissrin. Hu qal li kienet is-soċjetà li niżlet lil persuni bħal Joe Decelis iktar ‘l isfel.