Lokali

€620,319 – somma fenomenali miġbura fil-maratona tal-Partit Nazzjonalista

It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tippreżenta s-somma finali
Somma mill-isbaħ miġbura waqt l-ewwel maratona ġbir ta' fondi taħt it-tmexxija ta' Adrian Delia

Il-poplu Malti u Għawdxi għal darb’oħra laqa’ l-istedina tal-Partit Nazzjonalista – biċ-ċifra finali tkun dik ta’ €620,319. Somma rekord għal dawn l-aħħar snin.

Matul il-maratona bit-tema ‘Jien lest li ngħin’, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia flimkien mal-amministrazzjoni u d-deputati tal-Partit Nazzjonalista ltaqgħu man-nies u l-voluntiera fid-Dar Ċentrali f’tal-Pietà.

Fil-messaġġ tiegħu, Adrian Delia qal li s-somma miġbura turi l-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi, u tagħti aktar kuraġġ biex il-Partit Nazzjonalista jkun wieħed pożittiv u b’saħħtu. Dan filwaqt li rringrazzja lil dawk l-eluf ta’ nies li taw id-donazzjonijiet u l-impenn tagħhom f’din il-maratona ġbir ta’ fondi.

Sadanittant, bejn ilbieraħ u llum, saret maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista li fiha nġabru €611,497.

Matul il-ġurnata tal-Ħadd, fil-maratona tal-Partit Nazzjonalista, ma naqasx l-element ta’ varjetà mużikali bl-aqwa talent lokali. Dan filwaqt li ħadu sehem ukoll numru sabiħ ta’ korijiet biex komplew jagħtu kulur lill-maratona u spettaklu lit-telespettaturi f’dawn iż-żminijiet tal-Milied.

Il-maratona li xxandret għal aktar minn 12-il siegħa sħaħ – tmexxiet minn preżentaturi magħrufa sew għall-ħidma tagħhom fuq Net Television u Radio 101. Matul il-ġurnata wkoll, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar numru ta’ każini sabiex jiltaqa’ ma’ aktar nies.

Ara l-filmat bl-għeluq tal-maratona ġbir ta’ fondi:

Minkejja li l-maratona ġbir ta’ fondi spiċċat, wieħed xorta jista’ jagħti donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista mis-sit: pn.org.mt/donazzjoni.