Il-Pulizija fir-reġjun tal-Katalonja aġixxew fuq id-direttivi tal-Gvern ta’ Madrid biex jieħdu pussess ta’ biċċiet tal-arti imprezzabbli minn żmien il-medjuevu.
It-tneħħija tal-arti kienet dovuta għal tilwima dwar dritt tal-proprjetà, bl-azzjoni mill-pulizija tikkonċentra fuq 44 oġġett li kienu qed jinżammu fil-Mużew ta’ Lleida, fil-Katalonja, u li kienu ġejjin oriġinarjament mill-Monasteru ta’ Santa Maria de Sigena fir-reġjun ta’ Aragon. L-awtoritajiet f’Aragon qed jgħidu li l-oġġetti kienu nbiegħu illegalment mis-sorijiet tal-monasteru.
Intant, il-ħtif tax-xogħljiet tal-arti seħħet fost it-tensjoni akuta bejn il-Gvern f’Madrid u l-Katalonja rigward l-impenn tal-Katalani għall-indipendenza mill-kumplament ta’ Spanja. Fil-fatt l-azzjoni tal-pulizija – li kienet ordnata mill-Ministeru għall-Kultura Spanjol — qanqlet protesti kbar min-nies li nġabru barra l-mużew ta’ Lleida.
It-tilwima legali dwar l-oġġetti nkwistjoni tmur lura għas-snin tmenin meta l-arti kienet inxtrat mill-Gvern Katalan. Intant, qorti kienet annullat dan il-bejgħ fl-2015.
Il-gruppi Katalani favur l-indipendenza fl-aħħar sigħat kienu qed isejħu għal aktar dimostrazzjonjiet quddiem il-mużew ta’ Lleida. Dan waqt li l-eksmexxej Katalan, Carles Puigdemont ( li bħalissa jinsab il-Belġju) akkuża lill-awtoritajiet Spanjoli ‘b’li qed jisirqu l-patrimonju tal-Katalonja’.
//= $special ?>

