Minkejja l-mira li l-Partit Laburista għamel biex fil-maratona ġbir ta’ fondi jiġbor is-somma ta’ miljun u nofs ewro, din żgarratlu bil-kbir hekk kif irnexxielu jiġbor anqas min-nofs din is-somma, total ta ftit aktar minn sitt mitt elf ewro.
Sorsi tagħna fil-Partit Laburista esprimew id-diżappunt għal dan hekk kif fl-aħħar jiem kienu għaddejin bosta manuvri biex iġegħlu imprendituri biex jgħinu lill-Partit Laburista sabiex jilħaq din il-mira.
In-Nazzjon is-Sibt żvelat kif f’ċerti lokalitajiet esponenti u rjus kbar fil-Partit Laburista avviċinaw il-komunità kummerċjali u għaddewlhom envelope biex fih ipoġġu l-kontribuzzjoni tagħhom. Sorsi li tkellmu magħna f’dan ir-rigward qalu li kien hemm min ħassu għal kollox urtat li membri fil-Partit Laburista avviċinawhom b’dan il-mod.
Fil-jiem li għaddew kienu avviċinati wkoll negozjanti u oħrajn li jieħdu xi xogħol mingħand il-Gvern fejn bil-pulit fakkruhom u staqsewhom kif inhu sejjer in-negozju tagħhom u jekk għandhomx bżonn ta’ xi ħaġa u mbagħad temmew it-telefonata billi fakkruhom fil-maratona tal-Partit Laburista u kontribuzzjoni finanzjarja tkun osservata u innutata.
Il-Persuna responsabbli minn din il-maratona kienet Lydia Abela, il-mara tal-Avukat Robert Abela li hu wieħed mill-Konsulenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat u li fil-jiem li għaddew kien fiċ-ċentru tal-aħbarijiet minħabba l-eluf li qed jirċievi f’konsulenzi mill-Gvern u li jinsab fi glieda harxa mal-Ministru Ian Borg biex jiehdu post Joseph Muscat meta jirrizenja.
//= $special ?>

