Wara xhieda ta’ siegħa mal-kumitat tal-Parlament Ewropew PANA u l-grupp LIBE, Maria Efimova, il-whistleblower tal-kumpanija Egrant, f’kummenti mal-ġurnalisti Maltin qalet li għaddiet numru ta’ dokumenti li kellha lill-Parlamentari Ewropew.
Skont Efimova, dawn id-dokumenti kienu ta’ għajnuna għad-delegazzjoni biex tkompli tifforma stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni.
Ir-russa Maria Efimova, kienet għaddiet l-informazzjoni lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dwar kontijiet sigrieti f’isem mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, li fihom allegatament ġew trasferiti €1 miljun mit-tmexxija tal-Ażerbajġan. Is-Sinjura Muscat dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet. Efimova ħarbet minn Malta wara li qalet li kienet qed tibża’ għal ħajjitha u ddikjarat li l-ġurnalista Caruana Galizia kellha tagħmel l-istess.
Wara x-xhieda mar-Russa, Sven Giegold qal li l-membri tal-kumitat ikkonfermaw id-dubji li kellhom dwar il-mudell ta’ negozju tal-Bank Pilatus. Giegold f’kummenti ma’ newsbook iddeskriva x-xhieda ta’ Efimova bħala waħda “interessanti ferm”.
Fuq twitter, iċ-Ċerpersin tal-Kumitat Ana Gomes qalet li x-xhieda tal-whistleblower kienet interessanti. Hi ddeskriviet il-Bank Pilatus bħala magna tal-ħasil ta’ flus tal-Ażerbajġan u n-NexiaBT f’Malta.
//= $special ?>

