Lokali

Wara 10 snin ma jmissx mad-droga, William Agius jeħel 3 snin ħabs

Erbatax-il sena ilu William Agius inqabad b'pussess ta' aktar minn elfejn pirmla - illum weħel tliet snin ħabs

William Agius ammetta għall-akkużi ta’ traffikar tad-droga 14-il sena ilu – iżda wara li għaxar snin ilu waqaf jabbuża mid-droga u xorb, illum ingħata s-sentenza ta’ tliet snin ħabs u multa ta’ €3,000 – filwaqt li l-propjetà tiegħu ġiet ikkonfiskata.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, numru ta’ stejjer kienu jitrattaw l-istorja ta’ William Agius hekk kif ta’ 18-il sena hu inqabad jitraffika d-droga f’Ħal Qormi viċin skola primarja. Madanakollu, jidher li l-każ tiegħu qajjem kontroversja hekk kif eluf ġabru petizzjoni biex tingħata maħfra Presidenzjali mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Erbatax-il sena ilu, il-Pulizija arrestaw lil William Agius hekk kif ingħata borża minn sewwieq ta’ karozza Toyota f’Ħal Qormi. F’din il-borża nstab li kien hemm 2043 pirmla tad-droga ecstacy, b’valur ta’ €28,000 – l-akbar qabda li kienet saret dak iż-żmien.

Minn hemmhekk, bdew proċeduri l-Qorti kontra William Agius u Georgie Felice, akkużati bi pjanar u traffikar tad-droga f’inqas minn mitt metru ‘l bogħod minn skola primarja, filwaqt li mill-ammont li nstab fil-pussess kien ċar li mhux għall-użu personali.

Iżda l-istorja tiegħu ġibdet l-attenzjoni tal-media, u konsegwentament tal-pubbliku – hekk kif William Agius matul dawn l-erbatax-il sena li ilhom għaddejjin il-proċeduri l-Qorti, William beda l-ġlieda tiegħu kontra d-droga, fejn saħansitra llum ilu ma jmiss mad-droga għal dawn l-aħħar għaxar snin. Fl-istess waqt hu waqaf ipejjep u jixrob – u fetaħ restaurant fejn iħaddem numru ta’ impjegati li huma wkoll kellhom il-problema tal-vizzju.

F’isem William Agius deher l-avukat Joe Giglio, filwaqt li l-Imħallef Antonio Mizzi ġġudika l-każ.