Lokali Qorti

FILMAT: 6 snin ħabs għall-ekssieħeb ta’ Yana Mintoff Bland

L-ex sieħeb ta’ Yana Mintoff Bland kien ikkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li weġġa’ lil Mintoff u lil binha b’daqqiet ta’ sikkina, kif ukoll li ta n-nar lid-dar tagħha f’Ħal Tarxien.

Il-każ imur lura għall-24 t’Ottubru 2016, meta nqala’ argument bejn is-sieħeb tagħha, Gheorghe Popa, Rumen ta’ 40 sena, u Yana Mintoff Bland, li magħha kien f’relazzjoni.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, semgħet kif Mintoff riedet ittemm ir-relazzjoni u ppakkjat il-bagalji ta’ Popa. Kien hawn li huwa ħebb għaliha u għal binha Daniel Mainwaring b’sikkina.

Wara l-eks sieħeb ta’ Mintoff Bland Popa kien tela’ fuq il-bejt fejn pprova jqabbad id-dar, u kellha tissejjaħ il-Protezzjoni Ċivili. Huwa kien ukoll weġġa’ lilu nnifsu u spiċċa fil-periklu tal-mewt.

L-esperti mediċi taw xhieda dwar il-feriti tat-tliet persuni, fejn intqal li Popa kellu erba’ daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu u kien tilef ħafna demm. Mintoff Bland kellha daqqa f’sidirha u oħra f’dirgħajha, li iżda ma kinux gravi. Binha wkoll kellu daqqa ta’ sikkina li kienet deskritta bħala ġerħa ħafifa.

Popa nstab ħati li weġġa’ lil Mintoff Bland u binha ħafif, kif ukoll li pprova jweġġahom b’mod gravi iżda mhux joqtolhom. Huwa nstab ħati wkoll li qabad arma kontrihom u li ta n-nar lir-residenza.

Madankollu huwa ma nstabx ħati li ssekkwestra, hedded u ta fastidju lil Mintoff Bland, u li ġarr arma regolari jew li ġarr sikkina ‘l barra mid-dar.

Il-Qorti rrimarkat li qatt ma jista’ jkun ġustifikat aġir bħal dak ta’ Popa, fejn persuna ma taċċettax id-deċiżjoni tas-sieħeb jew is-sieħba tagħha li tkun trid ittemm ir-relazzjoni, u għalhekk qalet li trid tibgħat messaġġ li din it-tip ta’ vjolenza mhix aċċettata.

Il-Qorti kkonkludiet ukoll li Popa huwa ta’ periklu mhux biss għal Mintoff Bland u t-tifel ta’ Bland, iżda wkoll għas-soċjetà inġenerali.

Minbarra sitt snin ħabs huwa kien ordnat ukoll iħallas €12,661 fi spejjeż tal-esperti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Spiridione Zammit.

AĠĠORNATA BIL-FILMAT: Yana Mintoff Bland u binha feruti b’sikkina fid-dar f’Ħal Tarxien