“Il-ħajja mhix logħba….Jekk se ssuq, tixrobx.” Din hija t-tema magħżula għall-kampanja promozzjonali annwali kontra s-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard.
Jirriżulta li 10% tal-inċidenti fatali tat-traffiku fl-2012 ġew attribwiti għall-konsum tal-alkoħol. L-inċidenti tat-traffiku s-sena li għaddiet żdiedu fuq is-sena ta’ qabel, bi ftit iktar minn 1,800 ferut u 22 każ minnhom fatali.
Iktar milli jiskoraġixxu n-nies milli jikkunsmaw xi grokk għal żmien il-festi, id-Direttorat, m’għadd ta’ entitajiet oħra, qed iħajjru l-pubbliku jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport flok il-karrozza personali jew saħansitra jqattgħu l-lejl f’xi lukanda fil-viċin wara xi xarba alkaħolika. Huwa tajjeb li f’dawn iż-żminijiet wieħed jieħu gost iżda mhux għad-detriment ta’ ħaddieħor.
Ix-xorb alkoħoliku mhux biss jaffettwa r-riflessi u l-viżta li jistgħu jkunu ta’ perikli waqt is-sewqan, iżda wieħed jista’ jxellef duffrejh mal-ġustizzja jekk jinqabad isuq taħt din l-influwenza, b’penali ta’ €1200 l-ewwel darba u tnaqqis sa massimu ta’ 11-il punt. Wieħed tista’ titteħidlu l-liċenzja jekk jinstab li jkun saq b’mod perikoluż jew joqtol lil xi ħadd taħt l-istess influwenza.
Tkellimna ma’ Pierre Vella mill-Kunsill Nazzjonali għas-Sigurtà fit-Toroq fuq il-kampanji edukattivi tal-Kunsill swar ix-xorb u s-sewqan għal żmien il-festi:
“Bil-kampanji li jkollna fuq il-midja soċjali, ngħaddu diversi eżempji u sitwazzjonijiet li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum biex noħolqu kuxjenza. Nagħmlu żjarat fl-iskejjel biex mhux biss nippromwovu l-prevenzjoni iżda nħajjru studenti jikkunsidraw jispeċjalizzaw fis-sigurtà fit-toroq meta jiġu biex jagħżlu s-suġġetti li jwasslu għall-karriera tagħhom.”
Fil-kampanja qed jieħdu sehem l-istess Kunsill, is-Sedqa, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, Transport Malta, id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, il-Pulizija, il-Protezzjoni Ċivili, Touring Club Malta u ċ-Ċentru għall-Għoti tad-Demm .
//= $special ?>