Ewropa

“Fis-suq tal-enerġija f’Malta hemm flus maħmuġin” – Werner Langen

Werner Langen - iċ-Chairman tal-Kumitat PANA
"Għandna qed nistennew li naraw x'se jkunu l-konklużjonijiet fil-konfront tal-mara ta' Muscat"

Iċ-chairperson tal-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew jemmen illi kien hemm “flus maħmuġin” fil-mod kif ġie liberalizzat is-settur tal-enerġija f’pajjiżna. Werner Langen għamel din l-istqarrija iebsa meta kien qed jindirizza lil numru ta’ ġurnalisti fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Langen għadu jittama li jkollu f’idejh “provi bil-miktub” illi kien hemm flus maħmuġa li għaddew fil-proċess tal-liberalizzazjoni tas-suq tal-enerġija.

Kien Gvern Laburista fl-ewwel leġislatura tiegħu li xpruna din l-idea li ssir power station taħdem bil-gass, bil-proġett eventwalment jittraforma ruħu f’forma ta’ tanker ankrat f’Marsaxlokk. Filwaqt illi fil-proġett tat-tanker hemm interessi mill-Ażerbajġan, l-impjnat tal-BWSC kien inbiegħ liċ-Ċiniżi tax-Shangai Electric.

Mal-ġurnalisti, Werner Langen tkellem ukoll dwar dawk li sejjaħ “problemi sistematiċi” fil-pajjiż u kif il-Parlament Ewropew għandu jibqa’ b’għajnejh fuq Malta.

Hawnhekk, Langen fakkar kif Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat diversi stejjer fuq politiċi f’Malta, u anke fuq il-mara tal-Prim Ministru. “Għandna qed nistennew li naraw x’se jkunu l-konklużjonijiet fil-konfront tal-mara ta’ Joseph Muscat”, sostna ċ-chairperson tal-Kumitat PANA.