Lokali

FILMAT: Introdotti tliet speċi ta’ jellyfish fl-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta

Erba’ snin wara l-ftuħ tal-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra, b’investiment ta’ €15-il miljun parzjalment finanzjati mill-Unjoni Ewropea, dan il-proġett għadu qed jikber u jiżviluppa.

L-aħħar introduzzjoni huma tliet tipi ta’ jellyfish – il-moon jellyfish, upside down jellyfish kif ukoll il-white-spotted jellyfish.

Net News tkellem ma’ Mark Pace, wieħed mid-Diretturi tal-Akkwarju Nazzjonali, li jispjega kif dawn l-ispeċi issa se jagħtu lok li l-istudenti tal-iskejjel lokali jitgħallmu dejjem iżjed mill-qrib dwar il-jellyfish.

Alan Deidun, bioloġista li jispeċjalizza dwar il-baħar, tkellem magħna dwar l-isfidi li dawn l-ispeċi jġibu magħhom. Kien għalhekk li ma kienx possibbli li jkunu introdotti fl-Akkwarju Nazzjonali mmedjatament mal-inawgurazzjoni tal-proġett.

L-introduzzjoni ta’ dawn l-ispeċi tikkumplimenta wkoll il-kampanja nazzjonali Spot the Jellyfish, li għandha l-għan mhux biss li jsir studju u jinżamm rekord ta’ speċi li jidhru fl-ibħra tagħna, imma wkoll teduka lill-Maltin u l-Għawdxin.

Ttikkonċidi wkoll mal-aħbar tal-UNESCO li ddikjarat id-diċennju li jmiss, sal-2030, bħala perjodu ddedikat għax-xjenza dwar l-oċeani bl-għan li n-nies jiġu mgħallma iżjed dwar l-oċeani.

Filfatt il-professur Alan Deidun, li hu wkoll wieħed miill-koordinaturi tal-kampanja Spot the Jellyfish, ħabbar ukoll proġett ta’ riċerka dwar dawn l-ispeċi ta’ jellyfish.

B’hekk l-Akkwarju Nazzjonali issa għandu 48 tank b’madwar 200 speċi ta’ ħut, rettili u insetti tal-baħar f’post wieħed.