Lokali Qorti

Akkużat li hedded lill-mara tiegħu u kisser il-bieb ta’ barra

Raġel ta’ 48 sena inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat b’atti ta’ vjolenza domestika.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, Emmanuel Barbara ta’ 48 sena minn Raħal Ġdid kien akkużat li l-bieraħ għall-ħabta tal-3.45p.m. ikkaġuna biża’ fuq martu Susan billi heddidha bi vjolenza fuqha u fuq it-tfal u li għamel ħsara fuq ħwejjeġ ħaddieħor meta beda jagħti u kisser il-bieb ta’ barra.

L-Ispettur Hubert Cini, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, qal li dan mhux l-ewwel każ li dwaru tressaq l-akkużat. Fil-fatt, hu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ protezzjoni maħruġ mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fis-27 ta’ Novembru li għadda.

Barbara wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest għaliex dan jidher li hu każ tal-kelma tal-akkużat kontra l-kelma tal-vittma fejn fl-istqarrija tiegħu, Barbara ċaħad kategorigament l-akkużi kontrih u sostna li la resaq lejha, lanqas kellimha u lanqas ma kisser il-bieb. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-persuna mhux affidabbli hekk kif dan kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġ minn Qorti oħra. “Il-mara ġiet fl-għassa tal-pulizija fi stat ta’ paniku. Għalina dehret ġenwina”, tenna l-Ispettur Cini.

 

Il-Maġistrat Mifsud ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u tenna mill-ġdid il-pożizzjoni tal-Qorti li “fejn tidħol il-vjolenza domestika, m’għandux ikun hemm ġustifikazzjoni”. Hu kompla li ma tantx jagħmel sens li jinħareġ ordni ieħor ta’ protezzjoni meta hemm allegat ksur ta’ ordni minn Qorti oħra fis-27 ta’ Novembru.

Emmanuel Barbara kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Joseph Ellis