Lokali Qorti

Akkużat li spara fuq bieb ta’ residenza f’Raħal Ġdid

Melvin Debono, ta’ 26 sena, residenti f’Raħal Ġdid, inżamm arrestat wara li dalgħodu tressaq il-Qorti akkużat fost l-oħrajn li fid-19 ta’ Novembru li għadda spara arma tan-nar u laqat bieb ta’ residenza fi Triq Ħal Luqa f’Raħal Ġdid stess.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, l-Ispettur Chantelle Casha qalet li fl-20 ta’ Novembru, il-Pulizija kienet informata minn anzjana li kellha toqba fil-bieb ta’ barra u li lejliet kienet semgħet ħoss kbir qisu ta’ sparatura iżda sakemm ittawlet ma rat xejn. Kien l-għada, meta ġiet l-infermiera biex tagħtiha l-insulina li ndunat bit-toqba fil-bieb ta’ barra u fuq parir tal-istess infermiera, għamlet rapport lill-pulizija.

Hi qalet li meta marru fuq il-post, il-pulizija ikkonfermaw li t-toqba kienet kompatibbli ma’ sparatura. Minn stħarriġ li għamlet il-pulizija permezz ta’ filmati tal-cameras tas-sigurta’, dehret Mercedes bajda u id b’arma tan-nar tidher toħroġ minn tieqa min-naħa tax-xufier u tispara tir. Minn iktar stħarriġ, il-Pulizija saret taf li l-karozza hi reġistrata f’isem missier l-akkużat iżda l-karozza hi propjeta’ tiegħu u hu responsabbli.

Debono kien akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mhux liċenzjata u li kiser il-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja dwar każ separat.

Melvin Debono wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Fit-talba għall-ħelsien mill-arrest, l-Avukat Franco Debono qal li l-każ seħħ kważi xahar u l-akkużat seta’ kellem lix-xhieda. Baraminhekk l-akkużat, li hu preżunt innoċenti, ċaħad l-involviment.

Filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti qalet li mħassba li hawn użu ta’ vetturi li m’humiex reġistrati f’isimhom propja u tinnota wkoll li hawn numru ta’ armi fl-idejn li m’humiex reġistrati u dan joħloq periklu ikbar għas-soċjeta.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet  mill-Ispettur Chantelle Casha, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jassistu l-akkużat.