Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu – Chris Froome jista’ jkun sospiż

Froome

Iċ-champion tat-Tour de France Chris Froome jista’ jkun sospiż minħabba li minn test li sarlu sar magħruf li ħa d-doża doppja tas-sustanza Salbutamol.

Din is-sustanza m’hijiex illegali iżda hemm limitu ta’ kemm wieħed jista’ jagħmel użu minnha.

Is-sustanza Salbutamol hi aktar magħrufa bħala Ventolin u hi mediċina li tgħin biex jinfetaħ aktar il-pulmun biex wieħed jieħu l-ossiġnu b’mod aħjar.

Ħafna minn dawk li jużawha ikunu jbatu mill-ażma.

It-test sarlu waqt il-Vuelta ta’ Spanja, Tour li Froome eventwalment rebaħ ftit xhur wara li kien rebaħ anke t-Tour de France. Iċ-ċiklist Britanniku ikkonferma li t-tabib tat-tim, Derick Macleod ordnalu biex iżid id-doża ta’ din il-mediċina minħabba li kien qed ibati bin-nifs madankollu issa jinsab f’riskju li jkun sospiż minħabba li għamel dan.

Ta’ min jiftakar li fl-2007 iċ-ċiklist Taljan Alessandro Petacchi kien ġie sospiż sena minħabba li kien ħa ammont eċċessiv ta’ Salbutamol. Froome wkoll jista’ jeħel l-istess sospensjoni.

Minn naħa tiegħu fl-ewwel kummenti li ta Froome qal li hu flimkien mal-avukati tat-tim se jagħtu spjegazzjoni valida għal dan kollu lill-Unjoni Internazzjonalit taċ-Ċikliżmu.

Froome hu wieħed mill-aqwa ċiklisti fl-istorja hekk kif rebaħ it-Tour de France erba’ darbiet, il-Vuelta u żewġ medalji tal-bronz waqt l-Olimpjadi.