Lokali

F’pajjiżna hawn kollass fl-infurzar tal-liġijiet ambjentali – BirdLife Malta

“Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux qiegħed jara l-ħtieġa urġenti li jiġu infurzati l-liġijiet ambjentali” – BirdLife Malta

BirdLife Malta innotat kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat fid-diskors li għamel nhar il-Ħadd li għadda fuq il-ħtieġa li jkun hawn ħarsien tal-liġi u l-ordni pubbliku. Fi stqarrija spjegaw li huwa ċar li l-Prim Ministru jixtieq li jtejjeb il-liġijiet u l-ordni pubbliku imma mhux qiegħed jara l-ħtieġa urġenti li jiġu infurzati l-liġijiet ambjentali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana saħaq: “Huwa skoraġġanti li naraw li l-Gvern qed ipoġġi l-ambjent taħt nett fil-lista tal-prijoritajiet tiegħu. Kif inhuma l-affarijiet illum, fil-kampanja Maltija ma jeżisti l-ebda infurzar. Jekk se nitkellmu dwar il-ħarsien tal-liġi u l-ordni pubbliku, allura rridu nkunu konxji li llum in-numru ta’ każi ta’ ksur tal-liġi li qed iseħħu fil-qasam ambjentali huwa kbir wisq biex jiġi injorat. L-ewwel nett, wieħed irid isemmi l-mod illegali kif in-nassaba qed jaqbdu u jokkupaw l-art – sew art pubblika kif ukoll privata. It-tieni, hemm l-użu mifrux ta’ mezzi artifiċjali u illegali biex jinqabdu l-għasafar, u t-tielet jiġi l-qtil illegali ta’ speċi protetti.”

BirdLife Malta insistiet li dawn l-illegalitajiet għandhom jitwaqqfu, imma l-pulizija mhi qed tieħu prattikament l-ebda azzjoni waqt li l-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) tinsab ċassa quddiem dan kollu u jinteressaha biss li tiddefendi l-istatus quo.

“Fejn għandu x’jaqsam mal-infurzar tal-liġijiet ambjentali morna lura”

“BirdLife Malta kienet paċenzjuża u kkoperat mal-Gvern imma l-Prim Ministru għandu jkun jaf li hemm eluf ta’ Maltin ta’ twemmin politiku differenti li jaqblu fuq ħaġa waħda komuni – li fil-pajjiż hawn nuqqas serju ta’ ħarsien tal-ambjent u lprotezzjoni tan-natura, u li din mhix prijorità la għall-Gvern u lanqas għall-Oppożizzjoni,” kompla Mark Sultana. “Fejn għandu x’jaqsam mal-infurzar tal-liġijiet ambjentali morna lura. Aħna nilqgħu sejħiet favur l-ordni pubbliku u lħarsien tal-liġijiet, imma dawn għandhom ikunu estiżi wkoll għas-settur ambjentali u jiġu kkunsidrati bħala prijorità.”

Il-Pulizija Maltija qed tfalli bil-kbir – mhux biss qed tpoġġi fil-periklu ċertu speċi ta’ għasafar iżda anke ir-reputazzjoni tagħha.

Intant, f’ittra indirizzata lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, il-President tal-CABS Heinz Schwarze, sostna li bosta jinsabu bl-impressjoni li minflok il-Pulizija qed tieħu l-passi neċessarji sabiex ir-reati kontra l-ħajja naturali u ambjentali jitwaqqfu, qed jittolleraw l-insib ta’ fost oħrajn il-Pluvieri bl-użu allarmanti ta’ aġġeġi elettroniċi matul il-lejl.

Dan hekk kif Schawrze spjega li għalkemm hemm projbizzjoni ċara, f’aktar minn 83% tal-każijiet irrappurtati mill-CABS il-Pulizija lanqas biss ħadu azzjoni. Fl-aħħar 3 snin il-CABS għamlu mal-43 telefonata lill-Pulizija dwar l-insib ta’ għasafar protetti matul il-lejl, fejn ġew irrapurtati mal-100 sit illegali.

36 minn dawn 43 rapport lanqas biss ittieħdet azzjoni fuqhom. Fl-ittra l-President tal-għaqda spjega li għadd ta uffiċjali sostnew li l-Pulizija tad-distrett ma’ setgħu jgħamlu xejn minħabba l-fatt li ma kinux mħarġa, li dak li bdew jitolbu minnhom kien perikoluż jew nkella li kellhom ħafna aktar x’jagħmlu.

Għaldaqstant s’issa tressqu l-Qorti 2% ta’ dawk il-każijiet irrappurtati sa minn Novembru 2014. Heinz Schwarze insista mal-Kummissarju tal-Pulizija li din hija dikkjarazzjoni sfaċċata tal-falliment li ħakem lill-Pulizija Maltija f’dan ir-rigward. Huwa saħaq li dan il-fatt mhux biss qed ikun ta’ periklu għal ċertu speċi ta’ għasafar iżda anke għar-reputazzjoni tal-Forzi tal-Ordni Maltin.

Lura fis-16 ta’ Jannar 2016, kompla jgħid Schwarz, l-ex Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar ħabbar fuq il-midja lokali li l-ħinijiet tax-xogħol tal-ALE kienu ser jitranġaw madanakollu din kienet wiegħda vojta li qatt ma ġiet attwata fi kważi sentejn.