Stewart Said
HIBERNIANS………….0
FLORIANA……………..1
Floriana huma r-rebbieħa tas-Super Cup għat-tieni darba fl-istorja tagħhom wara li għelbu lil Hibernians 1-0, biex irrepetew is-suċċess li kienu għamlu lura fl-1993.
Huma rnexxielhom jiskorjaw fl-aħjar mument tagħhom fl-ewwel taqsima u ddefendew b’għaqal fit-tieni taqsima.
Floriana kienu tattikament dixxiplinati mill-kowċ tagħhom Nicolas Chiesa li inċidentalment rebaħ l-ewwel unur tiegħu bħala kowċ. Il-Greens dehru aktar għatxana li jiksbu s-suċċess minn Hibernians fejn issieltu aktar għall-ballun.
Hibernians iddiżappuntaw bi plejers bħal Clayton Failla u Bjorn Kristensen ikunu mibdula mill-kowċ Mark Miller fit-tieni taqsima. Wara li fl-ewwel taqsima ma kinux kompatti, fl-aħħar 30 minuta għamlu pressjoni fuq l-avversarji u kellhom diversi okkażjonijiet iżda naqsu li jegħlbu lil Akpan.
Il-pressjoni fuq il-kowċ Mark Miller kompliet tiżdied hekk kif wara li kien fil-mira ta’ insulti mill-partitarji wara t-telfa fil-kampjonat kontra Balzan, din it-telfa żgur li mhux se tinżel tajjeb, bil-kowċ Ingliż jinżel lura fid-dressing room malli spiċċat il-logħba.
Floriana ħolqu l-ewwel tip ta’ periklu wara tliet minuti meta Cabral krossja mil-lemin lejn Vella li nqata’ minn mal-art biex jikkonkludi, iżda Andrew Hogg salva mingħajr diffikultà. Hibernians għal ftit ma marrux fil-vantaġġ fid-disa’ minuta meta Johann Bezzina ħa vantaġġ minn passaġġ qasir ta’ Clyde Borg f’pożizzjoni ideali, prova jaqbeż lil Akpan iżda ħa l-ballun twil.
Bezzina reġa’ prova fl-14-il minuta b’xutt mid-distanza li iżda spiċċa barra, biex żewġ minuti wara Hibernians kellhom l-aħjar okkażjoni tal-logħba. Kien free-kick insidjuż fil-baxx ta’ Clayton Failla fuq in-naħa leminija tal-lasta li għadda ftit barra.
Floriana kienu se jiskorjaw inċidentalment fit-18-il minuta meta Marcelo Dias qassam bir-ras lura lil Hogg li kien f’direzzjoni differenti, madankollu rnexxielu jsalva qabel il-ballun qabeż il-linja.
Il-Greens fetħu l-iskor fis-37 minuta bi kross mil-lemin ta’ Cabral fuq ras Mario FONTANELLA li żmarka ruħu tajjeb u għeleb lil Hogg b’daqqa ta’ ras, f’azzjoni li l-gowlkiper Pawlist seta’ jagħmel aħjar.
Minuta wara Hogg kien attent biex dawwar f’korner xutt perikoluż mid-distanza ta’ Steve Pisani.
Hibernians ħarġu aktar fuq l-offensiva fit-tieni taqsima, b’Floriana jkunu kostretti jiddefendu.
Il-Pawlisti marru qrib id-draw fil-55 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Martin Kreuzriegler li ġiet imdawra f’korner minn Akpan bi bravura.
Ċans ieħor għal Hibernians fit-63 minuta bi kross fil-kaxxa ta’ Dias lejn Jurgen Degabriele, iżda Ini Akpan ħareġ tajjeb u mblokka x-xutt.
B’Hibernians fuq l-attakk, Floriana beda jkollhom ħafna spazju fuq quddiem u fit-72 minuta setgħu skorjaw it-tieni gowl, b’azzjoni personali ta’ Maurizio Vella iżda wara li daħal fil-kaxxa, ix-xutt finali tiegħu għadda fuq il-lasta. Sebgħa u sebgħin minuta, u attakk ieħor ta’ Hibernians, bix-xutt finali minn barra l-kaxxa ta’ Jackson Lima li għadda fuq il-lasta.
Floriana setgħu għalqu l-logħba fil-85 minuta b’kontrattakk ieħor meta Vella għadda lejn Cabral li xxuttja fil-baxx għar-rokna, iżda Andrew Hogg wieġeb b’save kbir. Madankollu minuta wara, Hibernians kellhom l-aħjar ċans tal-logħba, b’kontrattakk.
Marco Sahanek qassam lejn Joseph Mbong li kkrossja mil-lemin fil-kaxxa lejn is-sostitut Jorge Elias dos Santos li waħdu inkredibbilment xeħet barra bir-ras.
L-aħħar tentattiv ta’ Hibernians wasal fit-92 minuta bi kross ieħor mil-lemin ta’ Dias, Joseph Mbong għola iżda d-daqqa ta’ ras spiċċat fuq il-mimduda.
Wara l-partita, il-Viċi President Anzjan tal-MFA Ludovigo Micallef ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Floriana Steve Pisani.
//= $special ?>