Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

FILMAT: Ifalli l-attentat tas-Soċjalisti biex Malta titqies bħala tax haven – kruċjali l-ħidma tal-MEPs tal-PN

L-attentat tal-Grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew biex Malta tiġi dikjarata bħala tax haven falla. Dan hekk kif il-Parlament Ewropew ivvota b’differenza żgħira – 327 favur, 327 kontra u 24 astensjonijiet – kontra l-emenda li ressaq il-Grupp tas-Soċjalisti li membri tiegħu huma l-MEPs Maltin tal-Partit Laburista. Fil-fatt, kważi l-MEPs Soċjalisti kollha vvutaw biex Malta tiġi dikjarata tax haven. Li kieku għadda dan il-vot fuq din l-emenda, kien ikun hemm implikazzjonijiet serji fuq l-industrija tas-servizzi finanzjarji Maltin.

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech kienu kruċjali biex jikkonvinċu lill-kollegi tagħhom fil-Partit Popolari Ewropew kif ukoll MEPs minn gruppi politiċi oħra, li l-poplu Malti u Għawdxi jirrispetta l-liġi, u għalhekk m’għandux ibati l-konsegwenzi tal-attivitajiet illeċiti tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Fi stqarrija, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Huwa ta’ għajb li l-MEPs tal-Partit Laburista ħallew lill-grupp politiku tagħhom jippreżenta din l-emenda. Dan kollu juri kemm fil-mumenti kruċjali, l-MEPs tal-Partit Laburista kapaċi biss jitkellmu iżda mhux jaġixxu. Kien hemm elementi fil-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew li riedu jappoġġjaw l-emenda tas-Soċjalisti. Ħa nkun ċar: huwa biss grazzi għall-ħidma fenomenali tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li l-emenda m’għaddietx. Meta jkun hemm l-interessi ta’ Malta fin-nofs, aħna nkunu hemm biex nuru xi nsarrfu. Aħna effettivi, kapaċi ninfluwenzaw lill-MEPs, rispettati u niksbu r-riżultati. Nifhem li s-sistema tat-taxxi f’Malta hi waħda kompetittiva, iżda Malta mhix tax haven. Kull sforz biex ipinġi lil Malta bħala tax haven mhux se jiġi ttollerat”.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet: “Hu ovvju għal kulħadd li l-attenzjoni reġgħet tinsab fuq Malta minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru biex jieħu passi kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri, filwaqt li jħallihom ikomplu għaddejjin fl-ogħla karigi fil-Gvern b’impunità. Hija ħasra meta wieħed jara li l-pożizzjoni ta’ Malta qed tiddgħajjef bid-deċiżjoni inspjegabbli u indifensibbli ta’ Joseph Muscat li jkompli jiddefendi lil sħabu flok lil Malta. Din id-darba irnexxielna, u dejjem se nibqgħu niddefendu lil Malta, iżda se ssir aktar diffiċli biex nikkonvinċu lill-MEPs dwar is-sistema robusta tagħna meta fl-amministrazzjoni tal-pajjiż hemm nies li ġew żvelati s-sistemi sigrieti tagħhom. Din hi kontradizzjoni li se tibqa’ mtebba’ fuq Malta.”

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal: “Illum, il-Parlament Ewropew, u partikolarment l-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, kkonferma l-impenn tiegħu li jiddefendi lill-poplu Malti u Għawdxi. Ir-riżoluzzjoni ssejjaħ ukoll biex tiżdied il-protezzjoni għall-whistleblowers. F’Malta, għandna l-każ ta’ Maria Efimova, li minflok ingħatat il-protezzjoni, qed isir dak kollu possibbli biex tiġi mtappna l-kredibilità tagħha. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem għall-protezzjoni tal-whistleblowers kollha, u se jkun fuq quddiem biex jiddefendi lil dawk li jixkfu l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus.”

Il-Parlament Ewropew approva r-Riżoluzzjoni dwar l-inkjesta fuq il-ħasil ta’ flus, u l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Ir-Riżoluzzjoni – li saret mill-Kumitat ta’ Inkjesta PANA – tinkludi rakomandazzjonijiet li issa jmorru quddiem il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Kumitat PANA twaqqaf f’Ġunju 2016 biex jinvestiga l-Panama Papers, li kixfu informazzjoni dettaljata dwar kumpaniji off-shore u s-sidien sigrieti tagħhom.